Tidhkux bis-Satira (3)

“Ħaħaħaħaħa. Haħħħħaħħħaħa (jixraq) aħħaħħ (xerqa oħra, itir xi bżieq). Jiġifieri inti Divorzistan?” Il-filosofu beda jġib ruħu donnu skopra l-Amerka. Dak il-ħin ridt ngħidlu ‘Jien il-Mullah ma jkollokx Mullah ieħor għajri’ jew xi waħda minn dawn l-istqarrijiet li min isegwi Satiristan issa dara sew.

Minflok ħarist lejh, dak il-moħħ enormi kollu Voltaire u Descartes (u mużika ta’ akkumpanjament, probabbli, Demis Roussos) u xagħar jittajjar ma’ ġenbu. Mur għidlu li kien keċċieni darbtejn mill-lekċer tiegħu intortament, għax sieħbi Edwin kellu, minbarra l-isfortuna ta’ ismu, leħen li jwerżaq iktar mis-sirena tal-ambulanza. Spiċċajt biex tbissimt u ma għedtlu xejn, anzi kważi għedtlu prosit tal-frażi dwar it-twieqi miftuħin u l-arja kiesħa. (F’din is-serata partikolari fejn iltqajt mal-filosofu, arja kiesħa kien hemm ħafna).

Bqajt skantat kif il-filosofu, persunaġġ li ċertament nistenna li jkollu sfera kulturali ferm akbar minn tiegħi, sab il-vidjows ta’ Hitler imqar remotament tad-daħk. Fl-istess ħin bdejt nistenna li nies bħal Andre Camilleri u Mons Galea Salomone, il-bankier li jippontifika, baqgħu bir-ragħwa f’ħalqhom (“erba’ xjuħ u DJ” kienet linja partikolarment għal qalbi).

Iżda jekk il-video ta’ Hitler skont ħafna kien il-bidu ta’ xi ħaġa ġdida, għalija kien inċident li rnexxa. Kien permezz ta’ dak il-video li Divorzistan, u issa ftit wara Satiristan (il-bokkla ta’ Austin Gatt xogħlna wkoll) ġabru ftit tas-segwaċi. Qabilhom kien tfaċċa l-kollega tagħna Ġandir Malta (Aħbarijiet tan-Nejk minn Malta) u biss ftit jiem warajna tfaċċa Bis-Serjetà. It-tnejn li huma għandhom il-mass medja Maltija fil-mira tagħhom. Filwaqt li wieħed jirrapporta ħmerijiet li m’għandhomx jiġu rapportati, l-ieħor jgħaqqad elementi tal-kultura popolari Maltija f’parodija semi-politika, u donnhom inkitbu minn xi ħadd li ħaqqu postu fil-kamra tal-aħbarijiet tat-Times (et tu, Brute?).

Għall-ewwel darba jidher li hawn interess f’satira li m’għandhiex lil Gonzi u lill-PN biss bħala sempliċi mira tagħha. Qed ninnota li l-bozza qed iddur minn fuq dawk li qegħdin fuq il-palk, għal fuq l-orkestra u min qed imexxiha. Il-mass medja, fil-każ ta’ Malta, hija eżempju perfett. X’inhu jiġi rrappurtat? X’inhi l-kwalità tar-rappurtaġġ? U x’inhi l-aġenda ta’ min hu suppost indipendenti? Il-kittieba u l-bloggers kollha għandhom opinjoni, u hemm min jiżviluppaha f’aġenda.

Per eżempju, innutajt li l-PBS qed jużaw tattika antika ta’ NET TV li meta jinġibed filmat ta’ xi ħadd mill-PL qed jagħmel stqarrija, jintużaw xi angolaturi naqra strambi, kważi sabiex jirredikoliżżaw lil min qed jitkellem, jew jidher skomdu f’għajn min isegwi l-aħbarijiet (qed nirreferi għall-filmat dwar Gino Cauchi jindirizza żbilanċ fil-media).

U s-satira Maltija għandha aġenda?

Niftakar lil Varist Bartolo iħambaq dwar il-kwistjoni ta’ min huwa s-sid tal-mezz ta’ komunikazzjoni u li dawn bilfors ser ikollhom forma ta’ kontroll fuq x’qed jingħad u x’mhux. Filwaqt li din ir-rivelazzjoni dak iż-żmien ma tantx tajt kasha, għax kont nemmen li jien kont ‘il fuq mill-aħbarijiet lokali Maltin, ftit taż-żmien wara indunajt li tassew kellu punt. L-iktar li deher ċar dan il-punt kien meta rajt La Storia Siamo Noi dedikat lil Indro Montanelli, li kellu jitlaq id-direzzjoni ta’ bosta gazzetti li s-sidien tagħhom kellhom kontrol fuq il-kontenut editorjali.

Biex ħadd ma jakkużani b’kontradizzjoni, iktar kmieni kont għedt li s-satira hija skjerata fuq naħa jew fuq oħra (għad irrid nara satira leminija, l-Italja qas teżisti, naħseb għax naqra dojoq). Dan ma jfissirx iżda li s-satira kollha hija spontanja u ġenwina – ħielsa minn forom ta’ kontroll.

Minbarra l-cartoonists tal-editorjali li huma bilfors imġiegħla jimxu mal-linja tal-editur, hemm sitwazzjoni fejn ċertu komiċi huma indirettament ikkontrollati minn entitajiet sabiex ma jweġġgħux bis-satira tagħhom, anzi, din il-forma ta’ relazzjoni marret anke aktar lilhinn mill-parir jew mil-lobbying okkażjonali (“isma’, issawwatnix fuq dik, taf kemm qed ittellifni bejgħ/voti”) u daret f’kontroll totali. Bi ħlas, ukoll.

Bħall-orżata, li jekk ma tħallthiex taħraqlek griżmejk, din is-satira hija mħallta bl-ilma mniġġeż tal-flus, u xogħolha huwa sempliċiment ta’ aljenazzjoni. Panem et Circenses, bid-daħk irrekordjat fl-isfond.

X’jifdal mis-satira f’pajjiżna? Hemm lok għal satira li tqajjem rivoluzzjoni fl-imħuħ tan-nies, li ma tindirizzax sempliċiment lil min diġa qed jara x’inhu għaddej madwaru? Jew in-nies kuntenta bl-istess erbgħa jew ħames ċajtiet?

Għax, ngħid jien, il-minestra kuljum iddejjaqni, aħseb u ara meta nsaħħan dik tal-bieraħ.

Kapaċi, bis-satira jinbidel dak li jaħseb il-poplu? Bħal Guzzanti, għandi dubji serji. Madankollu hemm moviment, żgħir kemm hu żgħir, li qed jinbet. Moviment ta’ nies li ma jibilgħux kollox, li għandhom moħħ biex jagħrfu u jixtarru, u li sfortunatament għal xi nies oħra, għandhom id-don tal-battuta.

Fiha x-xogħol ir-rivoluzzjoni tal-imħuħ.

2 thoughts on “Tidhkux bis-Satira (3)

  1. Pingback: Tidħkux bis-Satira (3) | satiristan

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


9 × 9 =

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>