Tidhkux bis-Satira (2)

M’ilux ġie fuqi bniedem li qatt ma kont kellimtu qabel ħlief għal xi ħmerija żgħira dwar it-Tottenham tiegħu. Dan sieħbi, insomma, qed jagħmel ftit ta’ inkjesta mhux uffiċjali dwar kif, fi żmien Divorżistan, konna kkrejajna s-satira, bħala oppożizzjoni għall-messaġġi ta’ terrur li l-Knisja bdiet twaddab lill-massa waqt il-kampanja tar-referendum għad-divorzju.

Satira? Jien? Aħna? Jien u sħabi erbat iċwieċ li jafu jużaw ftit il-Photoshop. Xejn ma jkun miftiehem minn qabel, xejn ma għandu bażi filosofika jew psikoloġika, u s-soċjoloġija niftakruha bħala sempliċi credit l-Università li kellna bilfors nimlew il-ħin bih, u għaldaqstant konna indaħħluh spiss fil-kalkoli insipidi tagħna (i.e. jekk mort tajjeb fl-oħrajn u għandek żewġ credits oħra ġewwa, tista’ ma tistudjahx).

Però dan il-ħsieb ta’ sieħbi bdejt nisimgħu mingħand xi wħud oħra. “Divorzistan kellu rwol fil-kampanja tad-divorzju.” “Prosit kemm daħħaktna, għamilt biċċa xogħol tajba mmens.” U finalment ommi: “Ejja ‘l hawn gustuż, qiegħed fit-Times” (li spiċċat f’diżappunt għax il-ġurnalist li rrappurtaha, Christian Peregin, għażel jew għażlulu li ma jagħtiniex kreditu tal-video ta’ Hitler. Imma nsomma, nafruhielu hux, m’aħniex qegħdin l-RTK hawn.)

Normalment meta ssemmili satira Maltija ma tantx idoqqu qniepen. Niftakar fil-cartoons ta’ Tanti Burlò li ħafna drabi jwasslu l-editorjal tas-Sunday Times. Dan l-aħħar qed insegwi ftit iktar ix-xogħol tal-Bertoons.

Fejn tidħol televiżjoni, il-memorja riċenti twassalni għas-sospensjoni ta’ programm satiriku ta’ Zoo minn fuq ix-xandir nazzjonali minħabba żarbuna li twaddbet lejn ritratt ta’ Ġorġ Abela, magħruf ukoll bħala l-President ta’ Malta u li skont id-deċiżjoni li ħadet il-PBS, huwa dejjaq prima kwalità u ma jiħux ċajta. Imbagħad hemm linja sħiħa ta’ ċajt dwar politiċi li mhuwiex neċessarjament satira, għallinqas skont ma naħseb jien.

Niftakar li ftit tas-snin ilu kienu ħaj is-sit Maltafly.com, li kien iktar qawwi fis-satira kontra l-PN u li ftit wara uża tattika simili għal dik ta’ Blob, jiġifieri, uża l-kuntest li fih jingħadu l-affarijiet sabiex joħroġ effett ironiku jekk mhux irriżorju.

Kien parti minn din it-tattika illi Norman Lowell jitħalla jgħid dak kollu li jixtieq jgħid u waħdu joħroġ il-ġenn razzist li għandu f’moħħu. Maltafly immedjatament ġie mħammeġ bħala sit faxxist. Wara żewġ każijiet il-qorti li minnhom ħareġ illiberat, il-kreatur tas-sit għalaq kollox għax deherlu li lok għas-satira f’pajjiżna m’hawnx.

Il-ħsieb ġenerali f’Malta jidher li huwa dan: jekk fil-parlament ma jikbrux fjuri, f’pajjiżna s-satira qatt ma nibtet. Dak li hawn Malta ħafna nies jikkunsidraw bħala satira tista’ issibu f’forom ta’ komiċita rħisa, ippjanata u mingħajr spontanjeta’ ta’ xejn, bħal ngħidu aħna James Bondin ta’ Xarabank, jew appuntu Bla Kondixin.

Din it-tip ta’ komiċità għandha funzjoni li tisraqlek tbissima jew daħka, iżda daqsxejn bħal offerta speċjali tal-Lidl, l-effett tagħha jmut wara ftit minuti. Ngħidu aħna, ħadd ma jirreferi għal James Bondin (jew Brian, jew min il-mingħul qed jużaw bħalissa) bħala satiriku irreverenti; Jonny l-Kajboj idaħħakna imma ma ħaqqux post fl-istorja ta’ pajjiżna.

Nisraq xi ftit folji mill-ħsibijiet ta’ Corrado Guzzanti, attur Taljan li għandu linja twila ta’ xogħlijiet satiriċi f’ismu (l-iktar wieħed riċenti, Aniene, qed jixxandar fuq SKY minħabba li r-RAI kemm jista’ ikun qed iwarrbu s-satira anti-Berlusconi).

Skont Guzzanti, is-satira hija “l-espressjoni ta’ ġudizzji kritiċi fuq kwalunkwe aspett tas-soċjetà permezz tal-lingwaġġ umoristiku, kemm jekk wieħed qed juża l-grafika, il-letteratura, il-mużika jew ir-reċtar jew l-erba’ elementi kollha”.

Madankollu Guzzanti joqgħod lura milli jipprova jfassal definizzjoni stretta ta’ x’jista’ jitqies bħala satira, minħabba li dan iwassal għal forma ta’ regolamentazzjoni. Hija ovvja, għal Guzzanti, li s-satira ma tistax tkun imparzjali minħabba li kull attur, jew artist, qed jesprimi ruħu skont il-mod kif jara l-affarijiet, skont l-ideat u anke l-personalità tiegħu. Għalhekk, u hawnhekk naqbel miegħu perfettament, is-satira u l-komiċità huma żewġ kunċetti differenti għaliex din tal-aħħar ma tinkludix fiha l-kritika soċjali.

Bħala eżempji ta’ komiċità, isemmi lil Zelig: hawnhekk iċ-ċajta hija l-bidu u t-tmiem u minbarra li ddaħħak lil min qed jaraha dak il-ħin, ma għandha ebda konsegwenza oħra, mingħajr ma tagħtik imqar spunt għal riflessjoni. Il-komiku ta’ Zelig – bħal dawk ta’ Bla Kondixin – konxjament jillimita ruħu sabiex idaħħak permezz tal-karikatura tal-persunaġġ, kultant billi juża difetti bħall-forma fiżika, jew klixejiet, jew tradizzjonjiet suppost strambi iżda li fil-verità jkunu aċċettati soċjalment.

Meta dan iseħħ, il-karattru/grupp li jkun suġġett taċ-ċajta jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal din it-tip ta’ satira, għax tkun qed tagħmlu uman u tiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu. Biex jispjega aħjar, Guzzanti jgħid li “kieku l-uniku ħaġa li għandi xi ngħid dwar Berlusconi hija li hu qasir, ifisser li mhux qed nagħmel xogħli sewwa”. Nista’ intikom eżempju lokali wkoll: Jonny l-Kajboj beda jmur il-Belt jistaqsi għal Austin Gatt. Daħħakni lili, iżda l-battuta Fejn hu Austin Gatt? ma żviluppatx f’kritika ironika jew mhux lejn is-servizz tal-Arriva. Lanqas tgħid ma mar ifittxu l-Kartell, Għawdex, fejn spiss iħobb jintasab il-ministru.

Idħak u insa, u ħalli l-garr dwar tal-linja għal min hu dejjaq.

(Ta’ min isemmi li l-paġna tal-Arriva li tnediet ftit wara r-riforma ma kinitx tal-Arriva stess iżda ta’ xiħadd moħħu tajjeb biżżejjed li fetaħ paġna qabilhom. Issa jidher li Il-paġna sparixxiet.)

One thought on “Tidhkux bis-Satira (2)

  1. Pingback: Tidħkux bis-Satira (2) | satiristan

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


7 + 5 =

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>