Dun Karm u l-Gwerra

Ngħiduha kif inhi: ħafna kommemorazzjonijiet huma fallimenti mqanżħa. Mhux għax m’hemmx rieda tajba imma għax minnha nfisha, kommemorazzjoni hija suppost “ċelebrazzjoni” ta’ dak li m’hemmx iżjed, dak li spiċċa, dak li se nippruvaw inżommuh ħaj minkejja li qed nikkommemorawh għax mejjet. Minkejja li tant hu mejjet li hemm bżonn inġiegħlu lilna nfusna niftakru fih u nifirħu bih.

Waħda mill-affarijiet li jagħmlu ħafna miċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali biex ifakkru l-50 sena mill-mewt ta’ Dun Karm – dejjem, m’għandniex xi ngħidu, ġenwini – hija li jeskludu l-poeżija tiegħu. U meta teskludi l-poeżija mill-personalità tal-poeti jibqa’ ħafna affarijiet li jidhru fjakki ħafna ħdejn il-qawwa sempliċi u kruda tal-kelma kif jużawha huma. Kultant ikun hemm xi ftit qari tal-poeżija, imma l-atmosfera formali li ħafna drabi tmur kontra n-natura ħajja, imqarba, intima tal-poeżija toqtolha. U aktarx ma jinqrawx dawk il-poeżiji li jitqiesu bħala mhux tas-soltu jew saħansitra kontroversjali. Iċ-ċelebrazzjoni tiddomestika lill-poeżija “salvaġġa”. U ma tibqax poeżija.

Il-għaqda li ma tafx bil-herra
Iżda nhar is-Sibt, 22 ta’ Ottubru, 2011, kelli x-xorti nisma’ grupp ta’ tfal jaqraw poeżiji li kitbu huma mnebbħin mill-poeżija ta’ Dun Karm, “Xi Nħobb – Ma Nħobbx il-Gwerra,” u, kif qalli Philip Said li kien qed imexxi l-konferenza, “entużjażmajt” ruħi. Bit-tqanqila inimitabbli tal-poeżija. L-inizjattiva kienet tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ fil-kuntest ta’ konferenza nazzjonali dwar il-poeta nazzjonali. L-awtriċi ewlenija Clare Azzopardi mexxiet laboratorju ta’ tliet kwarti ta’ kitba kreattiva ma’ dawn it-tfal. Kellhom ħin qasir ħafna, aktarx qasir wisq, imma meta jkollok idea tajba u mħabba u viżjoni ta’ dak li tista’ tagħmel bil-letteratura, anki tliet kwarti kapaċi jkunu biżżejjed biex tagħti ħjiel tal-qawwa tal-poeżija għal kull min jużaha, u jismagħha.

Xi Nħobb – Ma Nħobbx il-Gwerra
skont Noah Fabri (12-il sena)

Inħobb il-kotba, għax jagħmluni naqra aktar.
Inħobb il-films, għax jispirawni nagħmilhom,
Inħobb l-ideat, għax jimlewni b’aktar ideat.
Inħobb l-istejjer; ma nħobbx il-gwerra.

Inħobb il-mużika, għax tgħinni nirrilassa,
Inħobb ukoll l-istorja, ma nħobbx il-gwerra.
Inħobb l-effetti viżwali, għax insibhom interressanti.
Inħobb l-avventuri, ma nħobbx il-gwerra.

“Xi Nħobb – Ma Nħobbx il-Gwerra” ta’ Dun Karm dehret għall-ewwel darba fil-5 ta’ Jannar, 1915, fil-ġurnal Il-Ħabib. Dehret ukoll f’Ward Ieħor jew Ġabra ta’ Poeżijiet bil-Malti (1920) u fl-ewwel mit-tliet kotba bil-poeżiji ta’ Dun Karm li ppubblika Ġużè Bonnici minn butu fl-1939 (Il-Għana ta’ Dun Karm – X’Ħabb u x’Ħaseb il-Poeta). Id-data tal-ewwel pubblikazzjoni ta’ din il-poeżija tindika li nkitbet fil-bidu tal-Gwerra l-Kbira li fiha Malta kienet involuta minħabba l-ħafna suldati Maltin li ġġieldu f’artijiet imbiegħda biex iħarsu Imperu li kien qed jikkolonizzahom u minħabba li pajjiżna nbidel fi sptar għas-suldati midrubin, rwol li wassal biex Malta tissejjaħ l-Infermiera tal-Mediterran (u ċ-ċimiteru wkoll).

Fir-rumanz ta’ Ġużè Ellul Mercer, Leli ta’ Ħaż-Żgħir (1938), ħu Leli, Ninu, li daħal suldat mal-Armata Awstraljana għax ma sabx xogħol fl-art imwiegħda, jispiċċa jmut fil-ġlied tal-Gwerra l-Kbira, u zijuh Dun Karm jilqa’ t-talba ta’ qassis ħabib tiegħu biex imur bħala kappillan fuq il-kamp tal-battalja fil-Belġju biex jassisti lis-suldati.

Xi Nħobb – Ma Nħobbx il-Gwerra

Inħobb fuq kollox ‘l Alla li ħalaqni
U tani l-jedd li ngħix; ma nħobbx il-gwerra;
Inħobb il-Knisja tiegħu li twettaqni
F’dak li ħabbarli Hu; ma nħobbx il-gwerra.

Inħobb l-art ta’ twelidi li trejjaqni
Bil-ħobż minn tagħha bnin; ma nħobb il-gwerra;
Inħobb dik il-bandiera li sseddaqni
Flimkien ma’ ħuti hawnhekk; ma nħobbx il-gwerra.

Inħobb il-paċi li bid-daħka tagħha
Thenni s-smewwiet u l-art; ma nħobbx il-gwerra,
Għax niket, biża’ u mewt imorru magħha.

Inħobb il-għaqda li ma tafx bil-herra;
Inħobb il-ħaqq u s-sewwa, ‘nħobb is-saħħa
Li taħdem għal kulħadd; ma nħobbx il-gwerra.

Dun Karm

Laboratorju tal-poeżija
Naħseb li l-għażla ta’ Clare Azzopardi li tuża din il-poeżija f’laboratorju li fih jiktbu t-tfal kienet verament ġenjali. L-ewwelnett, it-tema tal-gwerra sfortunatament hija dejjem attwali u bil-mezzi tax-xandir il-ġodda, it-tfal huma aktar minn qatt qabel esposti għall-istejjer u l-ħruxijiet u l-mistoqsijiet il-kbar li ġġegħelna nistaqsu l-gwerra dwarna nfusna u dwar in-natura umana.

It-tieni nett, Dun Karm huwa assoċjat ħafna ma’ rappreżentazzjoni nazzjonali (u provinċjali) ta’ Malta, iżda din il-poeżija titkellem espliċitament dwar realtà storika li ma tmissx lil Malta biss, u għalhekk kapaċi tagħti stampa iktar wiesgħa tal-kitba u r-relevanza tax-xogħol tiegħu. Dun Karm mhuwiex biss poeta li ried jagħtina stampa fabbrikata, kienet kemm kienet sabiħa f’għajnejh, ta’ Malta.

Barra minn hekk, teknikament, din il-poeżija tqegħdilna quddiemna mill-inqas żewġ strateġiji poetiċi li kapaċi jwasslu esperjenza poetika qawwija u konvinċenti: l-użu tas-sunett u l-użu tar-ritornell, tal-frażi ripetuta. Is-sunett għandu forma stabbilita u f’laboratorju tal-kitba l-parteċipanti jistgħu jesperimentaw bl-użu tas-sunett, bl-14-il vers endekasillabu tiegħu, bl-iżvilupp bejn l-ottava u s-sestett, jew bejn it-tliet kwartini u d-distiku finali, biex joħolqu effetti differenti. Dan mhuwiex xogħol li jista’ jsir fi tliet kwarti; forsi jista’ jsir fi tliet sigħat, ħin li jidher twil imma jtir jekk il-parteċpanti jkunu qed jisimgħu sunetti differenti u spjegazzjoni li tistimulahom, u jkunu qed jiddiskutu bejniethom u jesperimentaw b’forom u versi differenti u jiktbu huma. Imma dan is-”sunett” bikri ta’ Dun Karm mhux l-aħjar eżempju ta’ sunett…

Għax l-aspett tekniku li jikkaratterizza din il-poeżija ta’ Dun Karm, li jwassal ħoss marbut ma’ idea b’saħħitha u ċentrali għall-poeżija kollha, huwa r-ritornell, ir-ripetizzjoni tal-frazi diretta, kategorika, bla “forsi” u “jekk” u “kultant,” li jinqeda biha Dun Karm: “ma nħobbx il-gwerra.” Fil-ktieb eċċellenti tagħhom dwar Teaching the Art of Poetry (Mahwah, New Jersey: Lawrence Erlbaum, 2000), Baron Wormser u David Cappella josservaw li fil-kanzunetti r-ritornell “comforts, steadies, lulls, echoes, endures. It posits a degree of stillness as it insists of the unchanging nature of some words” (216). L-effett tar-ripetizzjoni ta’ strofa jew vers jew frażi f’poeżija huwa simili, għax dan ir-“ritornell” iservi bħala punt ta’ riferiment mużikali u tematiku, u jagħti direzzjoni “magħrufa” lill-poeżija billi jeħodna lura għal “post” li ġa żornieh u ħadna gost bih.

L-istqarrija “ma nħobbx il-gwerra” toffri idea ċentrali u toħloq kontrappożizzjoni qawwija, memorabbli, bejn dak li hemm sabiħ fil-ħajja, li jvarja minn persuna għal oħra, u dak li hemm ikrah fil-gwerra, li donnu huwa l-istess għal kulħadd: għax f’din il-poeżija ta’ Dun Karm, il-gwerra m’hemm xejn sabiħ fiha. L-uniku kumment tiegħu dwarha huwa li “niket, biża’ u mewt imorru magħha.” U hawnhekk, dawk li jiktbu verżjoni tagħhom tal-poeżija jistgħu jagħtu d-definizzjoni tagħhom billi jfittxu l-iktar kliem suġġestiv, l-iktar xbihat penetranti, biex jiddeskrivu l-gwerra. Jew jistqarru li ma jaqblux għal kollox ma’ Dun Karm.

Fl-istess ħin, din l-istqarrija deċiża offriet ukoll punt ta’ riferiment fundamentali lit-tfal li kitbu l-poeżiji tagħhom, għax waqt li, bħal Dun Karm, ma ċċaqalqux pulzier mill-pożizzjoni tiegħu fuq il-gwerra, irriflettew fuq dawk l-esperjenzi u l-affarijiet li jħobbu. U f’dan kien hemm varjetà sħiħa bejniethom.

Mument Maġiku
Jien kont wieħed mill-kelliema mistiedna fil-konferenza f’Ħaż-Żebbuġ li fiha sar dan il-laboratorju tal-kitba għat-tfal. Minkejja li ħadt gost ħafna nisma’ l-interventi li saru, għalija l-iktar mument emozzjonanti kien meta t-tfal qraw ix-xogħol tagħhom. U naħseb li wħud mill-kelliema l-oħrajn, fosthom Oliver Friggieri li kien maġenbi, ħassewhom bħali. Mumenti bħal dawn li fihom nirriflettu fuq ix-xogħol ta’ awtriċi jew awtur għandu jkollhom kemm element qawwi ta’ qari tax-xogħol tagħhom, kif ukoll produzzjoni kreattiva ġdida mnebbħa minnu. U dan għandu jinkludu sessjonijiet ta’ qari u kitba kreattiva għall-kbar ukoll. Dan naħseb li huwa wieħed mill-isbaħ modi kif tista’ tiċċelebra x-xogħol tagħhom.

One thought on “Dun Karm u l-Gwerra

  1. F’kumment fuq nota oħra t’Adrian fuq il-Facebook, ktibt hekk:

    “nixtieq kieku nsib il-ħin – bħalek, nimmaġina – sabiex jiġu organizzati aktar kommemorazzjonijiet ta’ natura kreattiva … imma diffiċli ssib nies dedikati, b’enerġija u li jitbiegħdu mid-dilettantiżmu. fuq livell organizzattiv irridu nitgħallmu ningaġġaw aktar studenti mill-post sekondarja.”

    L-istess kumment naħseb hu validu wkoll għal dil-kitba.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


× 3 = 3

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>