Tidhkux bis-Satira (1)

 

Sena ilu kont fl-udjenza għall-aħħar serata ta’ Bla Kondixin. Biex inkun onest magħkom ilkoll, mort biex nagħmel korteżija lil min għamilli korteżija u tani biljett. Din tal-korteżija tgħidx kemm rajtha mażżra. Xebbahtha ma’ kanna oħra li ninzerta spiss, it-tiġijiet. Trid tonfoq biljett għal min qed jakkumpanjak u trid tixtri xi ħaġa biex titrejjaq. Trid tpoġġi fejn jitfgħuk. Trid iċċapċap biex ma jeħdukx bi stramb jew b’Nazzjonalist (ġej għal dan il-punt dalwaqt) u trid tagħti l-prosit lil min tak il-biljett. Għax korteżija.

Dil-kwistjoni tal-korteżija sibtha ma’ wiċċi ftit jiem wara li ktibt reċensjoni li fl-aħħar iddeċidejt li ma noħroġhiex għax min stedinni kien iċempel biex jgħidli ż-żobb kemm int nies! U kien ikollu raġun, bħal dawk kollha ta’ qablu. Dakinhar l-awtoċensura għamlet iktar sens mill-istint tiegħi u ma ppublikajthiex.

Ħa nniżżel xi siltiet hawn isfel, madankollu, u peress li Bla Kondixin dalwaqt jibda forsi jinbigħu ftit aktar biljetti.

“Ma nafx liema udjenza ħadet l-aktar gost bl-ispettaklu ta’ Bla Kondixin. Fiż-żmien niftakar gzuz minn sħabi, sintendi universitarji Nazzjonalisti, jagħmlu ħilithom fil-kju (ħafna minnhom b’ilsienhom barra u b’togħma ta’ warrani sufi fuq il-ponta) sabiex jipparteċipaw, imqar linja ċkejkna dwar (jew kontra) Fredu Sant. Jidher li r-riħ, jekk mhux il-gvern, inbidel sew; iżda l-mistoqsija tiġi weħidha: kemm għandha titqies b’saħħitha s-satira ta’ Bla Kondixin (anke għax naf li mhux kull min daħħakna b’Gonzi ser jivvota kontrih).”

“…għaliex ejja ngħiduha kif inhi, jekk issegwi ftit is-satira Taljana (insew Striscia La Notizia, programm fuq l-istazzjon ta’ Berlusconi li huwa orkestrat fin fin mill-Mediaset) tinduna kemm għad fadlilna x’nieklu bajd u ġobon meta tara ftit ix-xogħol ta’ Guzzanti, sa ċertu punt Benigni, Grillo, fiż-żmien anke Paolo Rossi, Guzzanti (Sabina), Dandini…”

Bla Kondixin issellef xi elementi tal-komiċità Taljana, iżda ħa biss l-aktar elementi bażiċi: il-preżentatur imxekkel f’xogħlu minn atturi/kummidjanti li jgħajtu aktar min-normal u li jiġġestikolaw b’mod ħafna drabi eżaġerat, jitfaċċa r-rwol tal-katatterist li qed imexxi minn għonqu preżentatur ċaflangu iddominat mill-konfużjoni apparenti ta’ madwaru (Colorado, Zelig huma eżempji ċarissimi fejn il-preżentatur għandu limitu fuq il-battuti).”

Li Bla Kondixin jassumi li l-battuta hija faċli tista’ tinnutah mill-udjenza stess, għalkemm nixtieq li din il-kritika jaqrawha aktar il-kittieba. Għaliex dħakna darba, darbtejn, tlieta u, jekk m’hemmx aħjar, anke r-raba’ darba għal battuta dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma… F’serata ma smajtx ħlief ċajt dwar il-kontijiet, dwar l-għargħar, il-mustaċċi tal-Labour, Pawlu Borg Olivier, il-kaxxa ta’ Malta, u l-Power Station. Possibbli, minn pajjiż daqshekk imnellaħ, kapaċi nagħmlu ironija biss fuq ħames punti? … allura, kif ma ssemmietx is-seftura ta’ Tonio Fenech?”

“… u xi botta ċkejkna dwar il-Knisja u l-abbużi sesswali? Le, aħjar le, aħna rridu ndaħħku l-popolin mhux nirritaw il-kbarat. Is-satira mħallta bl-ilma ma tolqotnix…”

“…erba’ Teletubbies jisimhom Ġorġ, Giovanna, Tonio u Austin ma tantx iċarrtuli ħalqi, dan donnu ċajt tal-coffee mornings li nisimgħu m’għand Joe Demicoli ta’ Kemmuna Airways. U, ma nafx kif, disgħin fil-mija tal-karattri li jdaħħku ġejjin minn estrazzjoni soċjali baxxa jew fqira. Bħal dak li qallu li m’hawnx nies sinjuri li huma ridikoli, u mhux qed nirreferi għan-nouveau riche. Fil-verità, il-faqar u l-ħamallaġni mhumiex tad-daħk, imma f’pajjiż fejn il-ħmar iwaħħal f’denbu dan huwa mekkaniżmu li nfittxu biex nidħku bil-klassijiet l-oħra flok bina nfusna.”

“…Bla Kondixin kuntent jagħmel sforz biex idaħħak il-massa mingħajr ma jniggżilha l-kuxjenza, jistimolaha biex taħseb dwar dak li hemm madwarha, jagħmilha aktar intelliġent; u minflok sempliċiment togħxa għall-għaxar ċajta fuq it-tender ta’ Delimara, tistaqsi ruħha għala kulma qed tipproponi l-politika Maltija huwa tant faċli biex tirredikolah. Forsi għax min imexxina minn imneħirna (u min taparsi jikkontradixxih) mhuwiex ragħaj, imma nagħġa li ħarbet mill-merħla.”

M’huwiex diffiċli wisq biex tinduna illi ma tantx tatni gost dik il-lejla ta’ “satira” kważi klassista li daret f’kompetizzjoni taċ-ċerċir.

Hawn fuq semmejt lil Guzzanti, Dandini, Rossi, Benigni, Grillo; il-ħamsa li huma tkeċċew jew twarrbu mir-RAI mal-mogħdija taż-żmien minħabba s-satira tagħhom. (Battuta ċelebri ta’ Grillo li tiġini f’rasi bħalissa hija ta’ meta Craxi mar iċ-Ċina u f’sala mimlija membri tal-partit Komunista Ċiniż, ta’ ħdejh – Martelli? minix ċertissimu – dar fuqu u qallu, “imma jekk hawn kulħadd Soċjalist, mingħand min jisirqu?”)

Lura għal Malta, iżda: x’inhi, eżattament, is-satira f’pajjiżna? Hawn lok għaliha? Il-massa verament trid lil Bla Kondixin, lil Jonny l-Kajboj u lil Zoo jew qatt ma fittxet imkien ieħor? Is-satira hija perikoluża għal xi nies u gruppi? U trid bilfors tagħmel taħtek bid-daħk biex tkun satira tajba? Is-satira trid tkun bilfors imparzjali? Divorzistan u Satiristan huma inċidenti mhux mixtieqa? It-televiżjoni għandha rwol fis-satira?

Dan huwa l-ewwel artiklu minn serje qsajra dwar is-satira f’Malta u x’naħseb jien, il-Mullah, dwarha.

U issa, wasal il-ħin nagħmel naqra riċerka.

Il-Mullah temm ħidmietu f’Divorzistan u qed ikompli l-gwerra qaddisa b’Satiristan, u l-aħħar li rajnih kien fuq ritratt misjub fil-bunker ta’ Gaddafi.

5 thoughts on “Tidhkux bis-Satira (1)

  1. Inzertajt kont hemm ukoll dakinhar, ghall-istess raguni (biljett b’xejn). Tista’ tigbor hafna mis-satira fqira Maltija f’zewg kelmiet: ovvja u primittiva. “Awwwwww, orrrrrajjjt int jewwwww?”

  2. Habib naqbel mieghek sa certu punt. Vera naqbel mieghek ic-cajt huwa kemxejn repitativ u sa certu punt jeqirdek.

    Imma sa fejn naf jien, Bla Kondixin u z-Zoo, l-unici li qed jirnexilhom jipruvaw jaghmlu sattira bhal din. U l-verita hija ukoll, l-udjenza sejjer tifhem cajt iehor hlief dan? Frankament dik ic-cajta tat-Taljan tas-socjalisti fimtha, imma dan ghaliex ghadhi naqa backgraound ta’ politika ingenerali. Probabilment tlett kwarti tal-Maltin ma jifmhuwiex.

    Habib, jien nahseb ghadhek nofs il-marda taghna l-Maltin, tal-inferiority complex. Tikritika minghajr ma tipprova ssib spunt tajjeb tas-satira Maltija, u tghid x’ghadhu jipruvja. Bhall-kritika tal-futbol Malti.

    Naqbel mieghek, biss pruva ghamel sattira int, fejn sejjer jirnexilek ggib sala nies, u jifmhu c-cajta tas-seftura ta’ Tonio Fenech. Jien inkun tal-ewwel li nixtri it-ticket.

    • Grazzi tal-kummenti, specjalment lilek Mark.

      Naqbel hafna mieghek, imma dan l-artiklu mhuwiex it-tmiem u teknikament lanqas il-bidu ta’ dak li ghandi f’mohhi. Nistiednek issegwi l-artikli li hergin il-gimgha d-diehla u dik ta’ warajha, u zviluppi minghand Satiristan li ser imorru iktar ‘l hinn minn dawn it-tharbixiet.

      Haga wahda nghidlek: mhux se thallas biljetti u lanqas ser ikollok tpoggi f’siggu li mhux tieghek.

      Grazzi hafna ghal darb’ohra.

  3. Pingback: Tidħkux bis-Satira (1) | satiristan

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


+ 4 = 9

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>