L-UDJENZA -THE TREE OF LIFE

Immaġinak fid-dell ta’ kattidral, rasek merfugħa ‘l fuq tipprova tifhem il-preċiżjoni arkitettonika li marret fit-tifsil tal-istruttura,  it-taqsim meqjus ta’ kull apertura, il-lavur metikoluż li silet uċuħ u figuri umani mill-ksieħ lixx ta’ ġebla,  il-meravilja matematika mistura fil-forom u d-disinn , ir-regoli tal-fiżika applikati fil-bini ta’ għodda għat-tqandil u l-ġarr,  il-medda ta’ żmien li firdet tqegħid l-ewwel ġebla mill-aħħar waħda.  L-ambizzjoni, it-tbatija, id-dedikazzjoni, il-kilba, il-viżjoni tal-persuni kollha li ħallew it-timbru tagħhom fuq dan il-monument. Immaġina l-kurżità tegħlbek hekk kif bil-mod tibda miexi lejn id-daħla sabiex tieħu perspettiva tal-istess struttura minn ġewwa.  Il-vuċijiet solenni ta’ kor jinstemgħu jidwu mill-ħitan għolja u r-riħa ta’ inċens tistordik hekk kif tirfes l-irħam ta’ ġewwa.  Inzertajt quddiesa kantata u f’salt tħoss is-sensi tiegħek jistejqru kollha f’daqqa. Alla biss jaf kemm-il quddiesa kantata ssaportejt fi tfulitek sforz id-drawwiet reliġjużi t’ ommok u missierek.  Kollox familjari għall-aħħar.  Il-bini, l-ilbies, l-innijiet, l-irwejjaħ.  Iżda mhux illum. Illum kollox jinħass ġdid.  Taħbat taħseb li l-attrazzjoni li qiegħed tħoss jaf m’hi xejn għajr għarfien it-tifel li issa laħaq kiber u finalment jista’ jabbanduna ruħu għal dan ir-ritwal biċ-ċiniżmu ta’ adult li jaf x’inhu u x’mhux. Hekk li tibda tisħet il-mument li toqrob l-omelija, il-waqt li l-qassis jinterrompi l-ispettaklu sabiex b’ħafna kliem premeditat jitfa’ l-ankri spiritwali. Ankri li rari jwasslu sal-qiegħ. Omeliji mġebbda li jxekklu l-bilanċ ta’ ċerminonji sagri, riċevimenti li spiss jissodisfaw is-sensi iżda qajla jrejqu r-ruħ.   Mela immaġina x’sorpriża meta l-intervent tal-qassis jirriżulta qasir, sempliċi u ġenwin, tant ġenwin li kapaċi jittrasforma ċerimonja twila u pompuża f’ċelebrazzjoni ta’ ġmiel diżarmanti.

 

The Tree Of Life ilni fuq ġimgħa li rajtu u sinċerament iebsa biex toħroġ reċensjoni tiegħu. Iżjed milli film huwa esperjenza, għaldaqstant nista’ biss miżerjament nipprova npoġġi fi kliem is-sensazzjonijiet li qanqalli waqt li kont qed narah. Nissottolinea l-kelma TARAH għax l-aħħar xogħol ta’ Malick huwa kważi esklussivament festa viżiva -  u ħabat tajjeb li ċ-ċinema huwa l-ewwel u fuq kollox lok fejn wieħed jagħti ħajja lill-fantażiji viżivi tiegħu. Għaldaqstant inħossni kemmxejn perpless minn ċertu kritiċi li qabblu dan l-aħħar xogħol tiegħu  mal-masturbazzjoni.  Iżjed u iżjed inħokk rasi meta naqra akkużi ta’ pretensjoni indirizzati lejn film li fl-aħħar mill-aħħar, minkejja tulu, minkejja x-xeħta lirika li jieħu, jibqa’ essenzjalment sempliċissimu u jindirizza temi universali li anke bergħud kapaċi jirrelata magħhom. Hija traġedja kbira li ċertu udjenzi lesti jissottoponu ruħhom għal kwalunkwe att barbariku jew dekadenti (fittizji)  bil-premessa li dawn iservu biex jissottolineaw id-degradazzjoni morali u l-ambigwitajiet li jikkaratterizzaw il-bniedem. S’hemm kollox sew. S’hemm għadna nissodisfaw iċ-ċiniżmu masokist li kull ma jmur jikber pass pass mal-akkumulazzjoni ta’ informazzjoni.  S’hemm għadna kredibbli. Għax l-għarfien tal-mekkaniżmi tal-‘ħażen’ u d-dgħjufijiet karnali bħal donnu qatt m’huma biżżejjed (f’termini artistiċi post post moderni) sabiex nippreżervaw irwieħna u nippreparaw għall-pass li jmiss – il-kundanna eterna jew il-fidwa.  Imbagħad jiġi xi inġenwu bħal Terrence Malick, reġista t’erba’ soldi, li bl-ardir kollu tiegħu jagħżel li jippreokkupa ruħu proprju bi ħwejjeġ frivoli bħar-redenzjoni, ir-rinaxximent spiritwali u r-rwol tal-bniedem fi ħdan iċ-ċiklu tal-ħajja u – stenna s-sarkażmu skontat u l-battuti faċli – ta’ min il-ħajja għexha ‘tassew’, ta min ‘daq’ l-imrar li d-dinja taf toffri. Ta’ min jaf x’jiġifieri titkaxkar fuq żaqqek, geddumek fit-tajn. Min tant jaf u dera li b’saħħtu kollha jibqa’ jirrifjuta li kultant jixref lejn is-smewwiet.

B’dan kollu mhux qiegħed ngħid li Tree Of Life huwa kapulavur jew li huwa perfett. Però lanqas ma huwa wisq ‘il bogħod. Il-fotografija u l-editjar li fih dan il-film huma xi ħaġa tal-għaġeb. Li Malick għandu għajn impekkabbli għan-natura u l-ambjenti rurali huwa fatt indiskutibbli sa mid-debutt ċinematografiku tiegħu permezz ta’ Badlands. Fi Tree of Life donnu jilħaq il-qofol tal-infatwazzjoni tiegħu u kważi kważi jippreżentalna n-natura bħala entità mistika li tirrifletti l-progress tal-bniedem minn ċkunitu sa mewtu. Tgħiduli: b’daqshekk? Anke in-neo hippies jonfħu ġod-didgeridoo fl-akkwati ta’ Fra Ben ġibdu din l-analoġija.   U hawn ikolli nisħaq li l-ġenwinità u l-kredibbiltà li biha Malick jippreżentalna l-impressjonijiet tiegħu jiddistingwu xogħlu mil-pontifikazzjoni  pwerili ta’ xi erba’ għażżenin inkallati li jaħsbu li d-dinja tafhom xi ħaġa. Malick qatt ma jinjora n-natura ambizzjuża, kompetittiva u distruttiva tal-bniedem u l-ħolqien in ġenerali. Xejn affattu.  Anzi jorbothom id f’id mal-proċess naturali tat-tranżizzjoni bejn l-addolexxenza u l-maturità. Ix-xogħol huwa dejjem fiċ-ċentru ta’ ħajjet iż-żewġ protagonist f’din is-saga: Jack O’ Brien (interpretat minn Sean Penn fil-verżjoni adulta tiegħu) u missieru (interpretazzjoni kbira ta’ Brad Pitt)  li jikkmanda l-familja b’id tal-ħadid b’dispjaċir għaċ-ċkejken Jack (Hunter Mc Cracken) li ma jdumx ma jrabbi stmerrija għall-metodi tiegħu. Il-film jiftaħ bil-figura ta’ Jack bħala adult mitluf fix-xogħol u l-pass sfrenat tal-ħajja metropolitana (seta’ jonqos?). Manifest tal-bniedem urban ċiniku li b’xi mod qiegħed ifittex xi forma ta’ katarsi mill-ennui li tant saret sinonima mal-moderniżmu. Jack jibda bil-mod il-mod jevoka memorji minn tfulitu u flimkien miegħu nassistu għal episodji kruċjali f’ħajtu mmarkati mill-preżenza kontrastanti ta’ ommu u missieru: ir-rappreżentazzjonijiet tal-grazzja divina u n-natura li Jack bħala narratur jalludi għalihom fl-ewwel battuti tal-film. Il-grazzja divina u n-natura, li fir-rikonċiljazzjoni diffiċli tagħhom tinsab it-triq tas-salvazzjoni eterna.  

Il-mod maġistrali li bih Malick jalterna bejn episodji domestiċi ġewwa r-raħal rurali (li nippreżumi għandhom għeruq awtobijografiċi) fejn jgħixu l-O’Briens u ‘mirakli’  evoluzzjonarji joħloq żwieġ perfett li f’idejn reġista ieħor seta’ faċilment ħalla riżultati komiċi (jiġini f’moħħi The Fountain ta’ Aranofsky). Sinċerament ma stajt insib l-ebda oġġezzjoni għal imqar xena waħda min din is-sezzjoni li prattikament tikkostititwixxi tliet kwarti tal-film.

 

Id-dubji tiegħi iżjed jikkonċernaw l-għeluq fejn stajt naqbad lir-reġista jsawwatni b’baraxx ta’ simboli viżivi li għall-ewwel darba tul is-sagħtejn u nofs li jtul il-film inħassu mġebbdin u sempliċistiċi. B’xi mod stennejt konklużjoni aħjar. Fejn naf jien, xena ta’ reġiment hippies jaħtfu l-Pentagon armati biss bil-bongos u d-diġeridoos.

Mill-bqija, Tree Of Life huwa film eċċellenti li jkompli jżid il-lostru fuq il-karriera ċinematografika ta’ dak li għalija huwa wiehed mill-aħhar ġganti ta’ Hollywood.

 

Film: Tree Of Life

Reġista: Terrence Malick

Tul: 139 minuta

Jieħdu sehem: Brad Pitt, Sean Penn, Jessica Chastain, Hunter Mc Cracken

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


× 4 = 12

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>