Min hu missierek?

Niddejjaq ħafna nikteb dwar Immanuel. Għax sieħbi. U għax niftaħ djarji li qatt ma ridt niktibhom. U l-aktar jekk nintalab nikteb dwar il-kotba ġodda tiegħu, għax kont l-ewwel li ppubblikajtu, u dejjem nistħajjilni kburi nniedi l-oħrajn li ħareġ wara. Bħal dan li kien bagħatli for your eyes only u bil-ħalfa tas-sigriet, u li qrajtu f’nifs impeċpeċ fuq l-iPhone għax ma kellix sabar nixgħel il-laptop u naqrah, kif ngħidu, bil-kwiet.

U bħal f’Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), immur lura fiż-żmien, meta kont insaqsih jekk għadx xi darba joħroġ rumanz, l-opra l-kbira tal-awtur stabbilit, flok jibqa’ magħruf li kien iteftef bin-novelli u l-istejjer tan-nies koroh u morda. Lil Immanuel nafu, u x’aktarx wieħed minn tal-ewwel li nsir naf li se joħorġu Kimika u l-iStejjer li ma kellhomx jinkitbu, u nerġa’ nistenna bil-ħerqa s-soltu litanija ta’ pufti u qħab, irġiel weħidhom u nisa xewqana, u kollox qisu Raħal Ġdid. Ħobż mimgħud.

Imma nistħi ngħidlu lil Leli, għax fuq l-email kollna nejk u tifkiriet, id-dellijiet imgħoddija u s-sigrieti tal-irġiel, il-ġejjieni maqful ġo fina u affarina biss, imma meta mbagħad niltaqgħu, għadni nistħi, bħal meta kont nistħi nkellmu msaħħar nara kittieb Ta’ Qali jsegwi l-Hibs, jew qabel ma rabbejt il-kuraġġ navviċinah u ngħidlu li nixtieq nippubblikah. X’qed tikteb bħalissa, Lel? U jaqrali storja oħra li naf fejn sejra, u niftakar f’idea għal rumanz li mietet, f’lejl nofsu sakran il-Belt, fejn b’xi mod jidħlu l-ġenituri tiegħu, Delezio kunjom xbubit ommu u xi pittur idur x’imkien fir-razza. Noti bl-addoċċ għal rumanz speċjali, għad xi darba…

L-aħħar li ktibt dwar Immanuel kienet reċensjoni dwar Stejjer li ma kellhomx jinkitbu, u rrimarkajt li l-karattri ta’ din il-ġabra kienu donnhom waslu f’punt fejn ma setgħux jitneżżgħu aktar, skeletri lebsin perpura laħam iħarħru l-għafja tal-mewt. Vintage Mifsud, bħal karrakka rranġata li tibqa’ toħroġha għall-okkażjoni. Imma x’aktarx Mifsud għaraf l-isfida li kien imiss fil-vjaġġ awturjali tiegħu, għax jagħżel li jikxef lilu nnifsu, u jsir huwa stess il-karattru, filwaqt li jġorr miegħu lil missieru spalla, sakemm jixref ukoll iċ-ċkejken ibnu. Trinità, kos, Mifsudjana ovvjament, għelm tax-xettru tal-maskulinità mħolli minn ġidd għall-ieħor, u logħba bla tmiem ta’ mirja fejn it-tfulija u l-adultezza jiġu reċiprokament riflessi f’għajnejn il-protagonisti.

Taranix ġgant għax ġgant minix, bħal ma jħannen Mario Azzopardi lil ibnu Yevgeny, huwa u jilqgħu f’din id-dinja, u l-piż tal-kitba ta’ Mifsud ’l hemm jispiċċa jxaqleb, f’analiżi poetika li, għalkemm iddur mal-figura tal-missier, hija fl-aħħar mill-aħħar trattat sintetiku dwar il-kundizzjoni maskili. Bejn il-figura mqita tal-missier dixxiplinarju u l-ewwel bikja tat-tarbija tat-twelid li tħabbar it-tkomplija tas-saga tal-“fallu” familjari, jixirfu d-dellijiet tas-sigrieti li jakkumpanjaw it-tensjonijiet bejn ġenitur u ibnu: l-irkejjen li ħadd ma jittanta jikxef, is-silenzji tqal tal-passati personali, il-misteri li qatt ma nkixfu u l-mistoqsijiet li qatt ma twieġbu, u fl-aħħar il-biżgħat ta’ ġejjieni li bilfors b’xi mod jingħaġen mit-traċċi, ġenetiċi u esperjenzjali, mogħtija b’wirt mhux dejjem maqbul. Il-missier u l-iben jaraw lil xulxin f’xulxin, l-istorja ta’ kif il-missier isir għax jibda bħala iben u kif iż-żewġ figuri ma huma xejn ħlief faċċetti tal-istess ruħ fittiexa.

Fi żminijiet meta qajla nagħrfu artiklu minn rakkont, anqas ħaqq tipprova ssib garzella għall-aħħar ktieb ta’ Mifsud. Innamrajt ma’ li nsejjaħlu rumanz l-aktar għaliex għandu l-forma ta’ xi ħaġa kompluta li, filwaqt li ġġorr b’konsistenza l-identità letterarja magħrufa tal-awtur, tittanta timraħ f’wesgħat ġodda u tagħmel dan bl-iċken sforz. Nazzarda ngħid ukoll li jekk għad xi darba ddubitajna jekk il-letteratura Maltija qattx ixxom il-postmoderniżmu, almenu fis-sens ristrett tad-devjazzjoni minn kull skema aċċettata filwaqt li xorta tibqa’ ironikament tħaddanhom, mela nfittxu nixtru dan il-ktieb għax dan għall-kollezzjoni u se jimmarka fuq l-arloġġ tal-istorja.

Jegħleb kull definizzjoni fil-fatt, għaliex idur dikjaratament mad-dimensjoni personali u ‘ddokumentata’ tal-awtur (bħal ma naraw fl-awtobijografiji rumanzati ta’ Coetzee), u mis-sejba tad-djarju ta’ missieru stess, sempliċi kapural fil-KOMR, il-pass jitmattar għal fuq l-istorja ta’ pajjiż, il-ġrajja ta’ bniedem anonimu, u r-ritratt tal-isfida bejn il-ġenerazzjonijiet, sakemm kollox jinħall lirikament fit-tħejjija tat-tfajjel li għada pitgħada irid huwa wkoll jintilef ġewwa x-xagħri.

L-aktar li laqatni kien l-ewwel nofs tal-ktieb, forsi anki għar-raġunijiet personali msemmija fuq, fejn l-awtur mill-ewwel juri lili nnifsu jesperimenta b’kunfidenza lil hinn mill-konfini mistennija. Il-figura tal-missier li tippervadi l-ktieb kollu — anki, f’waħda minn dawk il-kumbinazzonijiet li l-ħajja jagħmluha arti, bil-mewt kważi tikkoinċidi ma’ twelid neputih — tieħu s-sura bid-deskrizzjoni, sikwit kommossa, tal-awtur-raġel, li jerġa’ lura għat-tfulija u ż-żgħożija fittiexa li ssaqsi bla ma tifhem. Joħroġ ritratt anki soċjo-politiku fejn, permezz tal-ġrajja ta’ ċittadin anonimu ieħor jixref, tqil bħal qatt qabel, id-dell tal-politika (bl-ismijiet u l-kunjomijiet) u żminijiet fejn anki l-irġulija (sew il-maskulinità sew dik maċistikament Maltija) titqiegħed fi kriżi u tqanqal mistoqsijiet oħra li għadhom ma twieġbux biżżejjed.

Timpressjona wkoll is-setgħa li biha Mifsud jittraduċi storja tassew personali ta’ tliet ġenerazzjonijiet f’xogħol letterarju li ma jbatix mill-prudenza mbezza’ ta’ min ma jridx jikxef xturu u lanqas mit-trasparenza imbarazzanti jew inkella l-ħabi ineffettiv ta’ awtur dilettant. Dan huwa xogħol estremament personali u intimu, li xorta waħda ma jimbarazzax lill-qarrej, għaliex mill-ewwel jimmira li jkun, fost l-oħrajn, analiżi kolta u matura (u anki rari fil-ġrajja letterarja Maltija) ta’ kundizzjoni reali, mgħixa u mġarrba.

Trattat, biex inkomplu nsejħulu hekk, li jaf jinstema’ bħala l-għanja taċ-ċinju għall-awtur, kif naraw lejn l-aħħar tal-ktieb, fejn ir-rakkont ma jwassalx għat-tisfija klassika li mingħalina suppost trodd l-arti. Il-karattru-missier-kittieb iċedi quddiem il-kundizzjoni tal-maskulinità, dik li huwa stess iħoss bħala ‘l-ħeffa insostenibbli tal-essri’, dax-xejn li b’xejn ma tista’ tifilħu. Hija l-onestà u l-frankezza tal-kittieb, li jikxef spiritwalment il-qoħob tiegħu, b’karattri li ma jistgħux ikunu aktar imqaxxra minn hekk, li tagħmel dan il-ktieb wieħed speċjali u uniku.

Fost l-oħrajn, għaliex qrara kuraġġuża miktuba bla sforz u mingħajr l-artifiċjalità tal-letterat jippoża niket estetizzat. U fl-istess ħin, aħna u nagħqlu l-ktieb, lezzjoni għall-kittieba ta’ ġenerazzjoni li ma tafx għandhiex titwieled jew le: Mifsud jaħdem bil-kwiet, lil hinn mix-xinxilli tal-marketing u l-fixfixò tal-klikek, l-estremi ta’ movimentiżmu skadut jew niħiliżmu ċiniku, imma bir-ras iebsa tal-artist li jkompli jfannad sal-qigħan, u jekk hemm bżonn, anki lil hinn minnhom.

Fl-Isem tal-Misser (u tal-Iben) u l-kotba l-oħra ta’ Mifsud jistgħu jinkisbu mingħand Sierra Book Distributors.
Din ir-reċensjoni ġiet ippubblikata għall-ewwel darba hawn.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


7 × = 7

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>