Dak li qatt ma ntqalilna fi lsienna

 

Riflessjonijiet dwar ‘In-Naħa l-Oħra tal-Istorja Ġudeo-Kristjana’ ta’ Anton Sammut

“Mingħajr dan l-isfond teoloġiku, qatt ma kien ser iseħħli niltaqa’ mat-triq tal-ħsieb. Iżda l-oriġini dejjem tiġi tiltaqa’ magħna mill-ġejjieni.” – Martin Heidegger, Djalogu dwar il-Lingwa (1959)

 

Fl-1960 l-Isqof Anglikan ta’ Woolwich, John Robinson, kien qanqal terremot liema bħalu meta fil-Qorti kien iddeskriva r-rumanz kontroversjali Lady Chatterley’s Lover ta’ D.H. Lawrence bħala rumanz li kull Kristjan għandu jaqra. Tliet snin wara, dan l-iskular tat-Testment il-Ġdid minn Canterbury kien reġa’ fettillu jdendel kusu mal-awtoritajiet tal-ortodossija reliġjuża meta bil-ktejjeb kontroversjali Honest to God ittanta jirrevedi waħda u sew id-dogmi Kristoloġiċi tal-istabbiliment reliġjuż ta’ żmienu. Il-messaġġ ewlieni ta’ din it-teżi awdaċi – li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet imsejsa fuq ix-xogħlijiet filosofiċi ta’ teologi b’tendenzi Luterani bħal Dietrich Bonhoeffer, Rudolf Bultmann, Karl Barth u Paul Tillich – kien tabilħaqq skjett daqs kemm ġust: dik l-immaġni antropoċentrika ta’ Alla li wemmnuna biha issa skorriet żmienha u armajn bolqot – jenħtieġ infasslu mill-qiegħ qafas teoloġiku ġdid li qabelxejn jinfatam kemm jista’ jkun mil-letteraliżmu Bibbliku.

Wieħed jista’ jargumenta li f’ċertu sens l-atmosfera intellettwali tal-Ingilterra ta’ dak iż-żmien kienet tixbah, tal-inqas xi ftit, lil dik li nsibu f’pajjiżna llum: bl-influss kontinwu ta’ movimenti filosofiċi u teoloġiċi ġodda li bdew jidħlu fiċ-ċrieki akkademiċi tal-pajjiż, l-iżjed mill-Ġermanja u minn Franza, l-istabbiliment reliġjuż ta’ dik il-ħabta beda kull ma jmur jitlef il-ħakma tiegħu fuq il-kredu reliġjuż tal-ġenerazzjoni intellettwali l-ġdida, tant illi kollox kien sar soġġett għad-dubju. Difatti, wieħed jista’ jgħodd lit-teologi msemmija u lil sħabhom b’rappreżentanti tat-“teoloġija tad-dubju”. Mhux ta’ b’xejn, allura, li kienu wkoll is-snin sittin li welldu l-moviment teoloġiku radikali tal-Mewt-ta’-Alla permezz ta’ teotanatoloġisti ‘ereżjarki’ bħal Paul Van Buren, Thomas Altizer u Gabriel Vahanian[1]. Dan it-taqlib mhux biss ippropona diversi tweġibiet teoloġiċi aġġornati għall-miġja tas-sekulariżmu fl-Ewropa, iżda ressaq ukoll bosta possibilitajiet ġodda kemm fil-fehim u t-tifsir tal-istorja Ġudeo-Kristjana u kemm fl-eżeġeżi tal-Iskritturi li jsejsuha.

 

Ġaladarba pajjiżna dejjem kellu ħabta jiddawwar f’kollox, kien biss f’dawn l-aħħar snin li dan it-taqlib ħasel beda jgħaddi wkoll għala minna[2]. Qed ngħid dan mhux għax nemmen li pajjiżna llum sar mogħni b’bosta teologi tal-istatura ta’ Robinson, Barth jew Tillich (xejn affattu)[3], iżda għax tul dal-aħħar snin f’pajjiżna seħħu ċerti żviluppi[4], l-ewwel soċjali u mbagħad politiċi, li naqqru qatigħ is-setgħa tal-Knisja Kattolika fuq imħuħ il-Maltin. U huwa proprju f’dan l-ambjent[5], kif wara kollox dejjem jiġri, li bdew ifeġġu wkoll fostna kitbiet letterarji ‘espliċiti’, li wħud minnhom saħansitra kellhom l-ardir ipoġġu f’dubju serju d-dogmi tal-fidi tar-reliġjon uffiċjali tal-pajjiż.

Dan l-isfond storiku huwa utli ħafna biex nifhmu aħjar l-qagħda storika tal-aħħar ktieb ta’ Anton Sammut, In-Naħa l-Oħra tal-Istorja Ġudeo-Kristjana. Sammut mhuwiex teologu veru u proprju, u għaldaqstant dan ix-xogħol iżjed ifakkarni fix-xogħlijiet ermenewtiċi ta’ studjużi Bibbliċi bħal Elaine H. Pagels u Karen Leigh King jew fl-iskulari kritiċi tal-Jesus Seminar milli fil-ħassieba u fit-teologi li semmejt ftit qabel. Fi kliem ieħor, il-kompitu li ħa Sammut m’għandux wisq mill-opri filosofiċi ta’ xeħta teoloġika bħal The Courage To Be (Paul Tillich), The Sickness Unto Death (Søren Kierkegaard) jew Raids on the Unspeakable (Thomas Merton). U minkejja li isem Sammut qajla jista’ jitqies sinonimu mal-Ateiżmu, mill-banda l-oħra lanqas nistgħu ngħoddu din il-ħidma tiegħu b’xi xogħol ta’ Apoloġetika Kristjana la Robert Dick Wilson jew Gordon Lewis. Madankollu dan ix-xogħol ta’ riċerka, jekk xejn, għandu l-mertu storiku li kien wieħed mill-ewwel kotba bil-Malti li ħa s-sogru jagħrbel b’ċerta reqqa l-istorja mqallba tal-Kristjaneżimu bid-diversi intriċċi storiċi, politiċi, kulturali u intellettwali li tul is-snin sawruha fl-istituzzjoni politiko-reliġjuża massiċċa li hija llum. Għaldaqstant nemmen li fin-narrattiva storika tal-iżvilupp intellettwali ta’ dal-poplu u ta’ lsienu, din il-ħidma ta’ Sammut aktarx waslet f’mument tassew opportun.

Kif ikkummenta r-Rev. Dott. Renè Camilleri, f’dan il-ktieb Sammut jiddiskuti ħemel ta’ punti li kapaċi jqanqlu kriżi ta’ fidi f’dawk il-qarrejja li dejjem ikkuntentaw ruħhom bir-reliġjon kif ingħatatilhom bla ma qatt xtarru il-kif u l-għala dinhom wasal għandhom. Biss, jiena ngħid ukoll li kotba ta’ din ix-xorta jistgħu wkoll ikunu mitqilhom deheb f’idejn dawk illi minħabba raġuni jew oħra rroftaw il-Kristjaneżimu fl-intier kollu tiegħu bla ma qagħdu jqisu wisq x’kienu qed ibarru tabilħaqq. Ma rridux ninsew li f’kull proċess ta’ konverżjoni jew dekonverżjoni spiss ikun hemm il-periklu li mas-sekonda tintrema wkoll it-tarbija. Sammut spiss jinħass konxju minn dan, tant li f’diversi siltiet donnu jagħtina l-istess kunsill li kien ta l-iskular tal-mitoloġija reliġjuża kumparattiva Joseph Campbell dwar l-fehim tal-miti: “Aqra bejn il-linji! Il-letteraliżmu joqtol; l-immaġinazzjoni tħaġġeġ.”[6]

Fost il-ħafna mistoqsijiet kontenzjużi li jqajjem Sammut f’dan ix-xogħol insibu: min tabilħaqq kien dan Yehoshuah illi sar magħruf bħala Ġesù Kristu? X’nistgħu ngħidu fiż-żgur inkwantu l-istoriċità ta’ Kristu? Kif fit-Testment l-Antik Alla donnu għandu personalità doppja? X’kien sewwasew il-kunċett ta’ Alla li kellu Kristu? Min kienu l-Esseni u n-Njostiċi u x’kienu jemmnu? X’inhuma s-sorsi ewlenin tal-Vanġeli? Min tassew kienu l-awturi tagħhom u meta nkitbu? Qabelxejn, il-kontenut ta’ dat-testi sagri huwa oriġinali tabilħaqq? Kif għandna ninterpretaw dawn it-testi? Fejn tieqaf il-mitoloġija u fejn tibda l-istorja, jekk qatt tibda? X’sar minnu “d-Dokument Q”? X’għandna nifhmu bit-titli seminali “Bin il-Bniedem” u “l-Messija” ? Xi jgħidu d-diversi Vanġeli msejħa apokrafi li tħallew barra mit-Testment il-Ġdid? Fuq liema kriterji ntgħażlu l-Iskritturi Kanoniki u minn min? Min seta’ kien Ġakbu l-Ġust? Min sewwasew kienet Marija l-Madaliena u xi rwol kellha fil-ħajja ta’ Kristu? Min kien Pawlu ta’ Tarsu? Kif, għala u minn min twaqqfet il-Knisja Kattolika Rumana? Min kien l-Imperatur Kostantinu? X’kien ġie deċiż fl-Ewwel Konċilju ta’ Niċea? Liema influwenzi filosofiċi sawru l-fehmiet ta’ Missirijiet il-Knisja? Għaliex maż-żmien nibtu daqstant xiżmi Kristjani u saħansitra reliġjon Abramika oħra bħall-Iżlam? X’kien l-impatt li ħalliet is-sejba tal-Iskrolli tal-Baħar il-Mejjet fuq il-fehim akkademiku tan-narrattiva Ġudeo-Kristjana? U fl-aħħar mill-aħħar, x’rilevanza għad għandu dan kollu għad-dinja sekulari ta’ żmienna?

 

Mhuwiex l-iskop ta’ dan l-artiklu li nidħol fil-mertu ta’ dawn il-polemiki waħda waħda, u nittama li din ma kinitx ix-xewqa li kellu l-editur meta qabbadni nikteb kelmtejn fil-qosor dwar dan ix-xogħol. Ngħid biss illi min-naħa tiegħi nħoss li nista’ naqbel ma’ diversi mill-konklużjonijiet ewlenin li ġibed Sammut. U dan ngħidu l-iżjed b’riferenza għal waħda mir-rimarki aħħarin tal-awtur inkwantu l-ġejjieni tar-reliġjon fl-evoluzzjoni tal-bniedem, jiġifieri li dment li l-bnedmin jibqgħu jmaħħu l-enimmi ontoloġiċi tal-essri, l-ebda skoperta li jaf iseħħilha tiċħad b’ċertezza l-istoriċità tal-persunaġġ ta’ Kristu ma tista’ ttappan għalkollox ir-rilevanza eżistenzjali tar-rakkonti Kristjani għall-kundizzjoni umana. U f’dar-rigward, jekk tippermettuli did-daqsxejn ta’ eżeġeżi, nemmen li l-istqarrija “is-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex”,[7] li min jaf kemm-il darba smajniha, għandha tinfthiem sewwasew f’dan is-sens iżjed milli bħala xi garanzija tal-immortalità terrestri ta’ xi istituzzjoni partikulari.

Għad illi jekk dan ix-xogħol jinfatam mill-kuntest lokali, ftit li xejn jifdallu novità għajr il-fehmiet personali tal-awtur, xorta waħda lqajt din ir-riċerka bil-Malti b’ċertu sodisfazzjon, iżjed u iżjed meta qist illi llum il-ġurnata, b’xorti ħażina, nofs pajjiżna qed ikompli jsir bla ma jaf għala iżjed Kattoliku mill-Papa nnifsu mentri n-nofs l-ieħor donnu kull ma jmur qiegħed jibred dejjem iżjed mill-ħeġġa umana tan-namra mas-Sagru. 

 

 ’In-Naħa l-Oħra tal-Istorja Ġudeo-Kristjana’ ta’ Anton Sammut jinsab għal bejgħ mingħand Sierra Book Distributors, li forna kopja tal-ktieb lil Rèvù.

 

Kevin Saliba huwa traduttur maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea l-Lussemburgu u ppubblika l-poeżiji tiegħu fl-antoloġija Ħbula Stirati. 

 

 

 


[1] Ta’ min jingħad li dan kollu kien qed jiġri mentri l-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi kien mehdi jħaqqaqha mal-Perit Mintoff u jikteb l-ittri pastorali kontra l-ballijiet tar-Rock ’n Roll.

[2] Kif diġà ngħad fir-rigward tax-xogħlijiet letterarji ta’ awturi kontemporanji bħal Immanuel Mifsud u Alex Vella Gera, il-fatt li kellna nistennew daqstant snin biex ikollna f’idejna xogħlijiet bil-Malti bħal dawn għandu jkompli jqajjem dibattitu dwar kemm tabilħaqq kienu rivoluzzjonarji l-movimenti letterarji u intellettwali Maltin fis-snin sittin u sebgħin.

[3] Diffiċli nistħajjel kif qatt jista’ jkollna bosta “Appostli għall-Intellettwali” li jazzardaw jimirħu “lil hinn mill-konfini” tal-ortodossija duttrinali kemm-il darba t-teologi tagħna ser jibqgħu soġġetti għall-‘iskrutinju vertikali’ mill-awtoritajiet ekkleżjatiċi.

[4] Fost oħrajn nistgħu nsemmu l-miġja tal-Umaniżmu Sekulari (Anglo-Sassonu), it-tixrid ta’ diversi ideoloġiji liberali, is-sorpriża tad-dħul tad-divorzju bis-saħħa ta’ vot popolari, u d-dibattiti li għadhom għaddejin fostna dwar iċ-ċensura u dwar it-teħid ta’ bosta passi ulterjuri fis-sekularizzazzjoni tal-Istat.

[5] Ma naħsibx li għoxrin sena ilu kien ikun possibbli tippubblika bla problemi xogħol ta’ riċerka bħal dan f’pajjiżna.

[6] Joseph Campbell’s Ten Commandments for Reading Mythology, (traduzzjoni tal-awtur) http://www.kafilmworks.com/joseph-campbells-ten-commandments-for-reading-mythology

[7] Skont in-narrattiva kanonika din l-istqarrija ntgħamlet minn Kristu lil Pietru b’riferenza għat-twaqqif tal-Knisja [Mt:16:18]. Iżda fil-fehim personali tiegħi bi “Knisja” nifhem xi ftit jew wisq dak illi kien xtaq iwassal b’mod simboliku t-teologu eżistenzjalist Paul Tillich,  jiġifieri “il-Komunità tal-Essri l-Ġdid.” (Ara Communicating the Christian Message: A Question to Christian Ministers and Teachers, Paul Tillich.)

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


9 × = 81

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>