Insomma…

…blue eyed boy jirribatti 

Dalgħodu rajt wieħed ili ma narah minn żmien l-iskola naħseb. Marco kien jismu, u nassumi li ismu ma nbidilx. Kont ħiereġ mill-karozza u x’ħin għamlet dik il-bleep huwa u jissakkar il-bieb, nilmħu fuq il-bankina, miexi lejja. Għaraftu mill-ewwel. Xagħru hemm għadu. Wiċċu l-istess. Ma tgħidx li għaddew ’il fuq minn għoxrin sena. Stennejt li jagħrafni bħalma għaraft lilu, u li jieqaf ikellimni. Jiena bqajt wieqaf biswit il-karozza nistennieh jasal sa ħdejja. Ma ridtx nagħmilha tas-salvaġġ. Wara kollox, għoxrin sena fihom. Għandna xi ħaġa inkomuni aħna t-tnejn. Morna skola flimkien. Jekk minix sejjer żball darba għal term sħiħ qgħadna ħdejn xulxin, fl-ewwel ringiela, le stenn, fit-tieni ringiela tal-klassi. Dejjem jekk minix sejjer żball, għax moħħi għal dawn l-affarijiet passatur.

Insomma, to cut a long story short, Marco ma waqafx ikellimni. Jew m’għarafnix, allavolja għajnejna ltaqgħu u ħarist lejh b’mod li żgur fehem li jiena għaraftu minn x’imkien, jew ma riedx ikellimni, għal xi raġuni personali jew għax għandu għalija. Ma nafx. Ipprovajt niftakar kienx ġara xi ħaġa fil-passat. Forsi ma kinitx l-ewwel darba li rajtu minn żmien l-iskola, min jaf. Tant nara nies, ninsa. Forsi għarafni, ejjew ngħiduha kif inhi, u umbrani għax tan-naħa l-oħra. Ma nafx lanqas. Biex ngħidlek id-dritt, Nazzjonalist niftakru. Jiena innoċentement ridt inkellmu, for old times sake, għax taf int, meta tagħlaqhom is-sitta u tletin tibda tħoss il-ħin jagħfas, u ssir konxju ta’ kemm għadda żmien mit-tfulija. Forsi Marco ma jħossx dawn l-affarijiet wara kollox. Jew forsi kellu breakdown u m’għadux jiffunzjona kif kien dari. Niftakru ċajtier, imma ta’ waħdu wkoll. Kellu xutt qawwi u ġieli skorjali. Kont noqgħod gowler jien.

Insomma, bqajt ħosbien il-ġurnata kollha llum minħabba fih dan. Qgħadt naħseb, imnalla ma ħadtx l-inizjattiva u sellimtlu huwa u jgħaddi minn quddiemi. U mbagħad żgur kont naqa’ għaċ-ċajt, hekk, insellimlu u jibqa’ għaddej, qisu ma jafnix, qisni ma neżistix. Ħa nkun onest, mhux biex niftaħar, imma minix imdorri għal dat-tip ta’ atteġġjament. Is-soltu jiena jkolli nevita n-nies jiġru warajja u jsellmuli, mhux huma lili.

Insomma, bqajt bid-dwejjaq. Għax dan żgur għandu għalija. U s-soltu ma nagħtix kas dawn l-affarijiet. Ċuċati ngħidilhom jien. Biex tkun suċċess trid tibqa’ għaddej, ma tagħtix kas, inkella tispiċċa tibki f’rokna kull ħames minuti għax xi ħadd ħadek fuq demm id-dars ngħidu aħna. Jew għax ġejt ikkritikat f’xi gazzetta, bħall-ġimgħa l-oħra. Obama taħseb joqgħod jitqalleb fis-sodda bil-lejl bl-inkwiet għax jiġi kkritikat? Ma naħsibx. U m’hemmx għalfejn tmur daqshekk ’il bogħod. Il-Prim Ministru veru għaddej minn burraxka wara l-oħra, imma jumejn ilu xorta jidħaq rajtu waqt il-festin ta’ Frankie. Dejjem trid tħares lejn dan-nies, u tieħu l-eżempju tagħhom, u timmira ’l fuq. Mela dawk li qegħdin taħtek u warajk. Mhux għax inħossni superjuri, lanqas xejn, imma fil-politika trid tkun taf fejn tmidd saqajk, ’il fejn se tieħu l-pass li jmiss, inkella ma tasal imkien. Trid tkun strateġiku.

Aktarx Marco ma kienx strateġiku f’ħajtu u baqa’ l-art. Għalhekk ma riedx ikellimni. Naqta’ rasi li għarafni qabel ma għaraftu jiena. Żgur għaraf il-karozza tiegħi. M’hemmx ħafna bħalha fit-toroq Maltin, u jekk minix sejjer żball Marco kien jifhem fihom il-karozzi. Iżjed minni żgur. Jiena nsuqhom naf biss.

Insomma, minħabba fih spiċċajt ħawwadt laqgħa m’oħra llum. Fixkilni ostra. Ma jistax  ikun li spiċċajt hekk sempliċement għax ma kellimnix. Fuq xi ħaġa tant insinifikanti jew? Żgur hemm xi ħaġa oħra, li għadni ma fhimtx. Forsi għandi bżonn noħroġ bil-leave, imqar erbat ijiem u nitilgħu Għawdex, l-erbgħa li aħna, għall-kwiet. Għada nipproponiha lil Simone, nara xi tgħidli. Jekk tkun għadha bihom minħabba s-Sibt li għadda, ma jimpurtax, nitla’ waħdi. Anzi, forsi aħjar hekk. Nitla’ waħdi u ninqata’ għal kollox. Għax bit-tfal xorta ma tieħux brejk. Tinħeleb. U mal-mara, sintendi, ħlief argumenti ma jkollniex.

U mbilli nitla’ Għawdex kieku, x’se nsolvi? Il-mowbajl mhux xorta mixgħul se jkun. Mela naffordja ma jsibunix jekk tinqala’ xi ħaġa urġenti? Ħaġa tassumi dik ir-responsabilità kollha u tgawdi mill-glorja li ħaqqek, ħaġ’ oħra tmexxi from day to day, bl-intoppi kollha li jinqalgħu. U joqogħdu jgħidu li jiena xi blue eyed boy u lagħqi u kollox tajjeb ġieni fil-ħajja u issa la dħalt ma’ tal-qalba I have it made. Għaxar snin oħra siġġu fil-Parlament, garantit. Hekk jgħidu insomma. U l-għira tista’ xxommha minn tliet bibien ’l isfel. Imma dawn ma jafux kemm naqla’ fwiedi biex inżomm posti? U kemm trid tiġri biex tibqa’ fl-istess post? Jafu kemm hemm nies lesti jagħtuni gambetta. Mill-partit tagħna stess qed ngħid. X’ideali ideali. Ġungla biss hawn. Tiekol jew jiekluk. Dak iċ-challenge, li tagħmel it-tajjeb qalb dil-ħerba u r-regħba kollha. Li mill-ħażin joħroġ it-tajjeb. Xi kultant jirnexxilek, xi kultant le. L-aqwa li ta’ fuq nett japprezzawk. Dawk biss jgħoddu, għax dawk għandhom x’jagħtuni, u dejjem inżomm b’seba’ għajnejn. Fil-politika, anzi, sitt mija sitta u sittin għajn trid, u ifhmuni.

Forsi tixxukkjakom ir-referenza għax-xitan. Wara kollox, demmi blu, demokristjan sa ruħ ommi, u ma nistħix ngħidha, lest nissagrifika l-bżonnijiet personali tiegħi għall-partit, u fl-aħħar mill-aħħar, għall-pajjiż. Għax il-partit mhux għall-pajjiż qiegħed hemm? Fit-tajjeb u l-ħażin, id-demokrazija tagħna hekk taħdem. Partit wieħed fil-gvern, l-ieħor lampa stampa. Dejjem aħjar minn xi koalizzjoni u l-kaos li ssib barra minn Malta.

Marco. Marco. Marco. Inti ma tafx, imma ġagħltni nħares fil-mera u naħseb ftit. Ara fejn konna nobsru, dawk is-snin ilu, li xi darba għad niltaqgħu fit-triq u ma nsellmux lil xulxin? Il-ħajja adulta, eħħ xbin, mhijiex kollha ward u żahar, hux hekk? Kienu jipprovaw itambruhielna f’moħħna, tiftakar, kif meta nikbru nibdew ninsew li aħna ulied Alla, u li l-piżijiet tal-familja jibdew jitolbu li nikkompromettu ruħna, u li d-dnub isir qisu xejn m’hu xejn, eċċetra eċċetra, u issa hawn arana, u ngħid is-sewwa, jiena miniex qed nikkomprometti u minix qed ninsa. Anzi, kollox niftakar. Niftakar pereżempju li kienu jaqbdu miegħi għax bravu, għax dejjem ngħolli idi biex inwieġeb, għax lanqas “żobb” ma kienet toħroġli minn ħalqi. Kienu jaħsbuni ta’ subgħajja f’ħalqi, għax ma kontx nara Colpo Grosso. X’sar minnhom dawk? Meta jarawni fuq l-aħbarijiet, f’xi konferenza stampa, tgħid għadhom jitkerrħu?

U dil-mibegħda għalfejn? Għax moħħi jilħaqli? Għax nippreferi n-normalità? Għax naf x’għandi nagħmel biex nasal fejn irrid nasal? Għax l-ingravata tixraqli? Għax naqta’ xagħri qasir u ma nħallix il-barbetti? Għax inqaxxar kuljum? Għax inħobb daqsxejn lussu u kumditajiet? Għax inħobb l-ordni, mhux biss f’ħajti u f’xogħli imma fid-dinja ta’ madwari, fid-dar u f’pajjiżi? X’hemm ħażin? Iridu jmexxu huma mela? Soċjetà mingħajr ċensura, fejn xejn m’hu xejn? Basta nidhru Ewropej. L-ordni soċjali, iva. X’hemm ħażin li jkollna ordni f’dis-soċjetà tagħna? Mhux biżżejjed sejrin il-baħar? Għandhom għalija għax żagħżugħ u xorta kontra d-divorzju? Ħallihom jgħidu. Għax qatt ma ridt nidher “cool”? Għax serju? Għandhom għalija għax qatt ma kont midħla tas-sottokulturi tad-droga, qisu għax ma għextx xi żgħożija mberfla mela ma nikkwalifikax bħala persuna matura? Dan ir-raġunar bil-maqlub sar idejjaqni ħafna. U mhux biss idejjaqni. Sar ibeżżagħni. Narah perikoluż. Dan-nies hekk imsejħa liberali jafu x’theddida huma għas-soċjetà tagħna? Jafu x’inhuma jagħmlu f’isem l-idealiżmu mgħawweġ tagħhom? Il-Maltin diġà minnhom diżorganizzati, mingħajr sens ta’ destin, u jeħtieġu tmexxija għaqlija li ma tmurx tilgħaq sorm il-modernità biex tidher sabiħa. Naf x’jien ngħid.

Insomma, ili sagħtejn bilqiegħda quddiem il-laptop. Suppost qed inlesti sinteżi ta’ rapport kunfidenzjali għall-ministru. Għandi ngħaddihielu għada imma għadni ma bdejt xejn. Nammetti li d-dehra (għax hekk kien qisu, dehra, spirtu, fantażma mill-passat) ta’ Marco tefgħetni f’burdata kerha wisq. Qed jerġgħu jiġuni tifkiriet, nixtieq b’xi mod nagħlaq l-għatu u ma nagħtix kashom. Għax il-bieraħ il-bieraħ u issa issa. Insomma …

Alex Vella Gera huwa kittieb, fost affarijiet oħra. Ippubblika tliet kotba u jgħix Brussell. Dan l-aħħar sar midħla tal-kurituri kaotiċi tal-Qorti l-Belt. Tah li jwieġeb/jirribatti għal Andreottjani ta’ Malta.

Il-kotba ta’ Alex Vella Gera jistgħu jinkisbu mingħand Sierra Book Distributors.

2 thoughts on “Insomma…

  1. Ma kontx naf li anke tikteb bil-Malti qed tiddeletta issa. Insomma, tal-Malti dejjem kienet thobbok.

    U ma nafx kif kienu jhalluk goaler. Kont nahlef li tixxutja kontra.

    Insomma sahhiet, narak. Jew forsi le.

  2. Haw’ Mullah, iva l-Malti tgħallimtu għax għal xi żmien kont biħsiebni nitla’ l-Lussemburgu naħdem traduttur. Iżda bejn minħabba t-temp t’hemmhekk, bejn għax Malta komdu, u biex ma nsemmix li t-tfal Malta nixtieq inrabbihom, bqajt Malta. Imma fil-frattemp tgħallimtu sew il-Malti. Long time no see insomma. Darb’ oħra tarani fit-triq tibżax minni. Ma nigdimx (minkejja x’jgħidu n-nies)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


9 + = 16

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>