Andreottjani ta’ Malta

Nibda biex ngħid li l-Mullah huwa l-kaboċċa fejn kulħadd kolt. Ma nistax nikkwota kittieba seminali, ħlief dawk ta’ bilfors (faqqa’: Innis McLuhan Baudrillard), u meta moħħi jwassal, nista’ ntikom xi ħaġa mhux eżatta minn Lino Banfi jew, suq, ħa nogħlew tikka oħra, Paolo Villaggio. Dan għala? Għax xtaqt nara tiftakrux Percival Mandeville ta’ John Betjeman, poeżija minuri minn ktieb irrelevanti li konna studjajna fis-sekondarja, fi skola tal-knisja.
Konna f’diskursata fil-klassi wara l-ewwel qari tal-poeżija, mqanzħa u ta’ bilfors li waqtha suppost kellha titnissel fina l-viżjoni tal-kritika; fis-sigħat l-oħra nitgħallmu kif nagħlqu ħalqna u ma nikkritikaw xejn.

Bħas-soltu togħla xi ras mill-ewwel ringieli tal-klassi, dejjem l-istess ras, bl-interpretazzjoni tagħha tal-poeżija. U jien hemm fil-bank ta’ wara, inkwetat dwar i) l-injury lill-Boban u ii) kif ser insib il-profondità neċessarja biex l-għalliem imqar jagħtini l-famuża 65: fi ftit kliem, medjokrità.

Percival Mandeville, the perfect boy,
Was all a schoolmaster could wish to see-
Upright and honourable, good at games,
Well-built, blue eyed; a sense of leadership
Lifted him head and shoulders from the crowd.
His work was good.

Kont bejn ħaltejn nirtirax ġo qoxorti u nerġa’ nintefa naħseb ftit kif għandu jinżel fil-grawnd il-Milan mingħajr Boban jew inkomplix nimmira għal dik is-65.

“The Perfect Boy”? Wieħed minnhom kien diġà qed jippontifika mill-ewwel ringiela tal-klassi, kumbinazzjoni għajnejh blu wkoll. Ħafna itwal minni (l-iskola kont qsajjar u irritanti, issa li sirt Mullah bqajt qsajjar u irritanti) u ħuh il-kbir, bħaż-żgħir, kien ikaxkar ħafna premijiet u nisa tas-Sixth Form. Jieħu sehem f’kollox Alla jbierku.

Fil-play il-parti prinċipali, logħba futbol tara xejn qed jilgħab x’imkien fil-piċċ fejn jista’ jarah kulħadd, jekk funeral ikun irid joqgħod tal-mejjet. Għalxejn ngħidilkom li kien popolari anke mal-ġenituri u kieku sar attur ħafna ommijiet kienu jiggustawh u jidħkulu, filwaqt li l-missirijiet kollha kienu jtambru dwar kemm hu bravu missieru li kien magħhom fil-klassi u li issa laħaq Chairman tal-Malta _____________________________ (imlew bl-isem tal-entità semi-governattiva li tixtiequ).

Sieħbi Perfecto kien għaddej bil-kritika tiegħu, logorrea sħiħa. Omelija.

Wieħed minn sħabi, soċjalment anqas aċċettat u li kien diġà għamel biżżejjed ħsara lir-reputazzjoni tiegħu (tant li kull darba li jgħid xi ħaġa kien jispiċċa jitkeċċa) ħareġ b’tentattiv ta’ interpretazzjoni.

“Sir, could it be Percival Mandeville is the perfect man-devil?”. Interpretazzjoni plawżibbli. L-imgħallem iżda ma kienx interessat; kien laħaq dab għall-ispjega pjuttost normali u ordinarja, iżda għalina dak iż-żmien bilfors perfetta u impekkabbli, li Perfecto kien tarrfilna.

X’ċuċ hu Aldo Grasso meta jqaxxar programm ta’ tliet kwarti dwar l-annimali fuq il-Corriere della Sera? Quddiem wirja oħra ta’ ġenjalità assoluta, dakinhar qtajtha li Perfecto kien ser jidħol fil-politika u jimxi mhux ħażin.

 

* * *
Rajtuh Il Divo ta’ Sorrentino?

Film dwar il-ħajja ta’ Giulio Andreotti u sħabu. Andreotti nnifsu telaq ‘il barra f’nofs il-film għax ma felħux, qal li hu ma kienx kiefer daqs kif pinġieh Sorrentino. Ħasra li ma rahx sal-aħħar.

Il Divo, biex infottilkom ftit sekondi minnu, jibda bi 3 caption cards żgħar: fihom l-istorja tal-P2, il-famuża loġġa tal-mażuni li fl-Italja kienet (għadha?) tiddeċiedi min ser ikun hemm fil-poter. Meta nstabet lista parzjali tal-ismijiet fil-bidu tas-snin tmenin instab li fi ħdan il-loġġa kien hemm politiċi, bankiera, kleru, militari, kummerċjanti kbar u żgħar… minn kollox, insomma. Fosthom il-president tal-Fininvest (qabel ma faru l-bwiet) Silvio Berlusconi.

Il-film ma tantx jaħli ħin dwar il-P2 iżda l-avvenimenti li jiġru, kif jaf kull min għandu idea ċkejkna tal-istorja moderna Taljana (iċċekkjaw waħda Blu Notte ta’ Lucarelli?), huma influwenzati minn dan l-ordni tal-poter. Andreotti u l-istrateġija tat-tensjoni, il-Mafia, il-P2, il-bankiera u s-suwiċidji. Xejn ma ġara b’mod aċċidentali, lanqas il-ħtif u l-qtil ta’ Aldo Moro.

Il-partit li kien imexxi Andreotti: il-partit Demokristjan.

* * *
Sforz kemm issaportejt lil Perfecto matul is-seba’ snin li kont nafu (issa li ftakart fih, insejt ngħidilkom li sar avukat u kunsillier u żguralla jkun kandidat fl-elezzjoni 2013) u sforz kemm iltqajt ma’ nies bħalu, eżattament bħalu, fis-Sixth Form u l-Università, rabbejt stemerrija qawwija ħafna lejn dawn in-nies.

Konxju ħafna li qed inbati minn sterjotip u ssarajt mal-kuriduri kollha ta’ moħħi biex noħroġ mill-għanqbut u “niftaħ moħħi”, kif ħafna minn dawn l-illuminati kienu jħobbu jgħidu l-iskola. Tgħid bħala parir jew bħala tgħajjira?

Nirreferi għalihom bħala dawn in-nies għax f’dawn it-tip ta’ persunaġġi hemm imnissel il-vajrus tan-normalità, dak li jġiegħlhom jidhru kemm jista’ jkun perfetti, upright, sabiex jitħaxknu fiċ-ċrieki t-tajba sa miċ-ċokon.

Karattri, li bħalhom hawn ġżuż, b’ identikit faċli ħafna biex tfassal.

Ġejjin mill-irħula fiċ-ċentru tal-pajjiż, imma mhux minn xi Ħal Qormi jew hekk, twal u rqaq sa ma jkollhom 25-27 sena, iqaxxru l-leħja kuljum u ma jħallux il-barbetti (din tinkwetani ferm: il-barbetti simbolu ta’ Guevariżmu jaqaw u jien ma nafx?). Qmis bajda immakulata biex taqbel mal-bjuda tal-ġilda u ngravata blu ċara. Nuċċali tal-vista aċċessorju sabiħ, klassiku u qawwi f’nofs l-irmixk modern li ġabu l-liberali u t-Twitter li jħobbu jużaw.

Xagħar impekkabbli, maqtugħ qasir u anke fl-agħar bufura riħ jibqa’ f’postu. F’din il-kategorija ma jintlaqgħux nies bla xagħar, għax dak huwa sinjal ta’ dgħufija fiżika.

Preferibilment jaħdmu ta’ avukati, tobba, accounters, kultant joħroġ xi perit ukoll. Kattoliċi daqs in-Nazzarenu nnifsu, li huwa tagħhom u tagħhom biss, is-solidarjetà jispelluha jafu jipprattikawha le.

Naturalment iridu jkunu eterosesswali, u importanti li jħarsu bl-ikrah u jirridikolaw lil min għandu ideat strambi jew “rivoluzzjonarji”.

Jekk xi ħadd minn dawn, matul iż-żmien, jiskopri li għandu tendenzi omosesswali, kruċjali li jżommhom għalih, preferibilment jiżżewweġ xorta u jaħbi kollox taħt it-tapit.

Iżommu mal-Juventus u jekk mal-Ingliżi mal-Manchester Utd (il-Liverpool working class wisq, anke l-Milan, u l-Inter dejjem kienu jitilfu meta kienu żgħar għalkemm issa reġgħu moda). Fil-Formula 1 invarjabilment iżommu mal-Ferrari. Nuċċalijiet tax-xemx, Taljani, mużika favorita, U2 u Coldplay u Manu Chao għax World Music.

Jagħmlu parties kbar għall-klikek akbar fejn tara dejjem l-istess nies. Jiġri x’ jiġri ser jieħdu gost bħal donnu l-ewwel darba li ħarġu u kollox ser imur sew.

Dan l-aħħar kien hemm l-irvellijiet f’Londra: f’każijiet bħal dawn jekk inti normali tgħajjarhom chavs u tattakkahom għax parassiti tal-benefiċċji soċjali.

Bażi soċjoloġika sabiex jagħmlu dawn l-argumenti: zero. U l-bażi tiegħi? Tgħiduli, forsi żero wkoll….

* * *
Bil-lejl jorqdu fil-fond bil-ħsieb, bit-tama, li tkun spiċċat din il-fażi ta’ liberaliżmu li għandhom xi erbgħa minn nies kollhom leħja u disprezz lejn l-awtorità u l-ordni soċjali.

Ordni soċjali. Kif għamlu ta’ qabilhom għal snin twal, u li permezz tagħhom marru tajjeb il-familji tagħhom u anke huma, hekk iridu jibqgħu jagħmlu għal għomorhom. Jiftħu l-laptop u bih ma jagħmlu xejn ’il barra mill-iskemi tan-normalità.

Għax dawn in-nies, bħan-nies fil-loġġja ta’ Licio Gelli, huma n-normalità. Huma s-sigurtà. Mingħajr dawn l-ankri, l-ordni soċjali jmur il-baħar.

Il-Mullah huwa l-mexxej spiritwali, psikoloġiku, reliġjuz u kummerċjali ta’ Divorzistan, moviment satiriku mwaqqaf fl-2011 sabiex jikkumbatti movimenti satiriċi oħra bħal Żwieġ Bla Divorzju u l-istabbiliment konservattiv ta’ Malta. 

 

2 thoughts on “Andreottjani ta’ Malta

  1. Impekkabbli f’kull sens u minn kull naha. Illum l-ewwel darba li gejt. Ser nibqa’ nigi.

  2. Pingback: Insomma… | RE-VU

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


− 6 = 2

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>