L-Udjenza – Super 8

Ir-ritorn lejn l-għeruq tista’ tgħid li obbligatorju fit-traġitt professjonali ta’ bosta. Kważi kważi jqarrab lejn ritwal. Ċelebrazzjoni li fiha wieħed jirrikonċilja ruħu maċ-ċokon li fi tfulitu nissel il-ħtieġa tal-ħarba…..ħarba ‘l bogħod lejn il-mergħat ħodor fejn jinbtu possibbiltajiet li, għalkemm kbar, isiru enormi biss meta mżewġa mal-istess ċokon li fihom ġew ikkontemplati. Il-footballer li jibda jixxuttja ballun purament għall- gost, jispiċċa jaqta’ bi snienu għal klabb tat-tieni diviżjoni, biex imbagħad jgħaddi għal kuntratti multimiljunarji u l-iżjed stadiums prestiġġjużi, sa ma fl-għabex tal-karriera jerġa’ lura lejn ġuf il-klabb li welldu bit-tama li forsi jerġa’ jduq ftit mill-pjaċir ta’ tfulitu.

Hekk il-grupp rock li jrabbu kallu jdoqqu għal tletin ruħ  fl-irwejjaħ imranġta ta’ bar minsi minn alla,  forsi jqanċċu lira għall-ewwel rikording, isibu ruħhom jikkmandaw arena ta’ għaxart elef, jimpjegaw orkestra sinfonika u tekniċi mustaċċuni għall-albums segwenti li kull ma jmur jieħdu xejra ferm iżjed grandjuża u ambizzjuża, sa ma fgati bil-ġid u l-għażliet disponibbli, jaqtgħuha li jissimplifikaw ħosshom f’tentattiv biex jerġgħu jtiegħmu l-eċċitament li jwasslek biex terfa’ strument f’idejk. Jaf mhux dejjem iħalli frott  ħelu dan ir-ritwal. Kultant, is-sejħ a għar-rikonċiljazzjoni mal-passat, flok f’katarsi tispiċċa f’ katastrofi.

Nippreżumi li JJ Abrams, il-moħħ wara s-sensazzjoni televiż va Lost għadu ferm ’il bogħod mill-għabex tal-karriera ċinematografika tiegħu. Madankollu qatt ma telqitu x-xewqa li jevoka l-films fantastiċi ta’ tfulitu, l-istess films li min jaf kemm ħallmuh li xi darba seta’ jkun hu stess is-saħħar li jkewwishom. Daqqa t’għajn ħafifa lejn il-lista qasira ta’ films li dderieġa turi biċ-ċar li l-gosti tiegħu huma marbutin mal-produzzjonijiet fantaxjentifiċi b’xeħta retro. Produzzjonijiet li għalkemm dejjem fittxew li jissorprendu bl-effetti viżivi (illum primittivi)  tagħhom, rari kienu jagħmlu dan a skapitu tal-istorja. Films li minkejja li segwew reliġjożament il-konvenzjonijiet fantaxjentifiċi ta’ żmienhom għarfu wkoll jisfruttaw il-premessi mġebbdin tagħhom bl-iżjed mod divertenti u b’inġenwità innoċenti li kważi tittieħed.   L-anti Transformers biex ngħidu hekk.

Abrams jidher li mhux biss iħaddan rispett ġenwin lejn din in-niċċa ċinematografika, iżda saħansitra jipposjedi l-kwalitajiet meħtieġa sabiex iħaddimha kif suppost. Jekk il-verżjoni tiegħu ta’ Star Trek kienet xhieda ta’ dan, Super 8 huwa l-konferma.   Din id-darba, l-attenzjoni tiegħu hija iżjed mixħuta fuq il-ġeneru tal-fantafilm sfurnati mill-Amblin Entertainment fit-tmeninijiet. Għaldaqstant mhix każwalità l-involviment ta’ Steven Spielberg  u tal-istess Amblin Enertainment (li tagħha Spielberg huwa l-fundatur) fil-produzzjoni tiegħu. Bħala regola ġenerali, dawn il-films ambjentati f’subborgi nodfa kkaratterizzati minn ġenituri taz-zokkor u tfal għatxana għall-avventura, tfal li għalkemm imqarqċa jħaddnu kuxjenza ċivika u sens ta’ fratellanza sproporzjonat. Hawnhekk diġà qiegħdin nimirħu fil-konfini tal-fantaxjenza, però apprezzament għal dan it-tip ta’ film dejjem jitlob  it-trażżin taċ-ċiniżmu. Rażan li forsi jiġ  bi tqil għad-dilettant li jinċensa l-artali ta’ Herzog u Cassavetes.

Ngħid għalija, jien li għext dawn il-films fi tfuliti sibtha faċli immens inħaddan l-ispirtu perbenista tal-istorja u lil hinn min-nassa nostalġika nistenna li l-maġġor parti tal-udjenza tagħmel l-istess.  Super 8 magħmul tajjeb.  Abrams  ma jinteressahx biss mill-effetti viżivi u juri ċertu  ħila fil-bini tat-tensjoni, kif ukoll kura fl-iżvolġiment tal-istorja ġenerika miktuba minnu stess.

E bilħaqq…l-istorja……..

Klikka tfal involuti fil-ġbid ta’ film amatorjali jassistu b’kumbinazzjoni għal  ħabta spettakolari bejn ferrovija u pick-up.  F’kemm ilni ngħid jidħlu fin-nofs l-armata u s-servizzi sigrieti sabiex jgħattu minnufih xi xtur jew ieħor. Sadattant fir-raħal jibdew jisparixxu n-nies u l-appliances f’ċirkostanzi misterjużi.

Kif mistenni, Abrams jogħxa fid-dettal storiku sinonimu ma’ tmiem is-sebgħinjiet – l-epoka li fih ambjentat il-film. Il-ħwejjeġ, il-karozzi, il-posters, il-paranoia tal-Gwerra l-Bierda.  F’waħda mill-aħjar xeni jagħmel użu eċċellenti minn Walkman b’ Heart of Glass tal-Blondie għaddejja fl-isfond. Lejn nofs it-tieni parti, Super 8 jibda jilheġ, l-ideat jispiċċaw u sat-tmiem kwazi tilef għal kollox l-interess li qanqalli tul l-ewwel siegħa.  Madankollu mhux ser noqgħod infettaq. L-uniku aspettattiva li kelli kienet li nassisti għal film li jirnexxielu jevoka mingħajr tqanżih il-fantaċinema tas-sebgħinijiet/tmeninijiet filwaqt li juri biżżejjed karattru sabiex ireġi fuq  il-merti tiegħu stess. Minn dan l-aspett, Super 8 ma jiddiżappuntax.  Anke l-interpretazzjonijiet tat-tfal, li mhux l-ewwel darba jqabbduk n-nawżea f’tali films (niftakar lil Dakota Fanning f’War of The Worlds li kważi wasslitni sa xifer vażektomija) huma meqjusin tajjeb.  Ironikament, l-aħjar interpretazzjoni tasal proprju mingħand oħt Dakota Fanning, Elle. Għandha preżenza impressjonanti u ninsab ċert li għad nisimgħu iżjed b’aħbarha.

Fir-riċensjoni tiegħi ta’ Horrible Bosses qażżiżtkom nilmenta n-nuqqas ta’ qalb involuta fil-produzzjoni ta’ films ħfief sajfin immirati esklussivament għad-divertiment tal-massa. Super 8 ħafif kemm trid. Għall-massa kemm trid. Ġeneriku kemm trid, però dawn il-karatteristiċi jispiċċaw jaħdmu favurih għax l-imħuħ warajh ma jinsewx l-obbligi bażiċi li jirrikjedi xogħolhom. Ibda mir-rispett lejn is-sengħa pprivile ġjata tagħhom u spiċċa bl-entużjażmu, li mingħajru qajla tista’ tipprovdi xi forma ta’ pjaċir – passiġġier kemm hu passiġġier.

Super 8 tani pjaċir.

[box type="info"] Film: Super 8 * Direttur: JJ Abrams * Tul: 112-il minuta  *Atturi: Elle Fanning, Kyle Chandler u l-bqija[/box]

 

 

 Mario Vella jkanta mal-Brikkuni. Ippubblika xogħol poetiku u liriku fl-antoloġija Ħbula Stirati.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


3 + 8 =

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>