Bejn rewwixta u ohra

Diversi politiċi u opinjonisti kkundannaw ir-rewwixti riċenti tal-Ingilterra bħala atti kriminali mingħajr ebda sens politiku. Mhux kull rewwixta vjolenti, madankollu, titqies bħala att kriminali. L-Istat Malti jiċċelebra s-Sebgħa ta’ Ġunju bħala festa pubblika li tfakkar rewwixta li seħħet dakinhar fil-Belt fejn inqatlu tlieta min-nies minn suldati Ingliżi u l-għada, meta r-rewwixta ġġebbdet ftit aktar, inqatel raġel ieħor. X’hemm daqshekk erojku fil-mewt ta’ dawn il-Maltin, tant li jingħataw xeħta ta’ martri meta s-Sebgħa ta’ Ġunju jiġi kkommemorat bħala jum ta’ importanza kbira fl-istorja ta’ pajjiżna?

Ir-Rewwixta tas-Sebgħa ta’ Ġunju
Il-fatturi primarji li l-aktar ħolqu frustrazzjoni u b’hekk instigaw ir-rewwixta kienu t-tkeċċija ta’ ħafna ħaddiema mit-Tarzna wara li x-xogħol kien naqas ma’ tmiem l-Ewwel Gwerra u kien ukoll għola l-prezz tal-ħobż. Il-qagħda soċjali u ekonomika tal-Maltin kienet marret lura sew u s-sensji kienu l-aktar ħaġa li f’kuntest soċjali mdallam mill-faqar setgħu joħolqu rabja u frustrazzjoni.

Fis-sebgħa ta’ Ġunju, eluf ta’ Maltin inġabru l-Belt Valletta fuq sejħa tal-Assemblea Nazzjonali, bil-għan li din tiġi rikonoxxuta bħala r-rappreżentant tal-poplu Malti. L-Assemblea, li dakinhar iltaqgħet fil-klabb tal-Partit Nazzjonalista, kienet tikkonsisti minn numru ta’ politiċi u professjonisti tal-klassi l-medja u membri tal-kleru, u kienet qed tagħmel pressjoni biex l-awtoritajiet Ingliżi jwittu t-triq għal gvern awtonomu (is-Self-Government). Iżda d-diskors tal-Assemblea ma tantx kien jirrefletti dak li kien qed jiġri barra. Waqt li l-Monsinjur Ignazio Panzavecchia kien qiegħed jaqra riżoluzzjoni, li kienet tgħid li l-Maltin ħaqqhom Self-Government għax dan biss seta’ jkollu l-interessi tal-Maltin fuq quddiem u b’hekk seta’ isolvi l-problemi soċjali, il-folla fit-toroq tal-Belt tatha għall-vjolenza. L-ewwel ġew attakkati l-ħwienet li injoraw it-talba tal-Assemblea biex jibqgħu magħluqin, u wara postijiet oħra bħal-Librerija Pubblika u l-Istazzjon Meterjoloġiku li kellhom il-bandiera tar-Renju Unit mtellgħa. L-aħħar bersalli tal-folla kienu l-istamperija tad-Daily Malta Chronicle, gazzetta pro-imperjalista, u r-residenzi ta’ negozjanti tal-qamħ. It-tkissir tal-proprjetà privata u pubblika u l-vjolenza kontra l-ftit pulizija li pprovaw iwaqqfu l-irvell kienu estensivi. Il-pulizija mhux li stinkaw ħafna biex twaqqaf l-irvell għaliex kienu frustrati wkoll minħabba l-paga miżera li kellhom, u b’hekk kellhom jiġu mqabbdin is-suldati Ingliżi biex iwaqqfu l-irvell. Is-suldati kienu mill-Composite Battalion: battaljun suldati mlaqqtin minn diversi bnadi li saħansitra kellu fih eks-priġunieri. B’hekk mhux ta’ b’xejn li fil-kaos u t-tkissir li kien hemm, dawn is-suldati sparaw bl-addoċċ fil-folla.

Skond ir-rapport ta’ Kummissjoni maħtura mill-Gvernatur, l-instigar u l-vjolenza saru primarjament mill-ħaddiema tat-Tarzna iżda r-rapport isemmi wkoll kif anke tfal kienu involuti fit-tkissir u fil-garar tal-ġebel. Meta nqisu liema kienu l-bersalli ewlenin tar-rewwixta, nistgħu nassumu li fil-klassi tal-ħaddiema kien hemm forma ta’ kuxjenza politika li kienet taf tagħżel bejn klassi u oħra abbażi tal-poter ekonomiku. Apparti minn hekk, din il-kuxjenza kellha sentimenti anti-kolonjali li qatt qabel ma ntwerew b’dan il-mod. Il-ħaddiema attakkaw dawk l-entitajiet li kienu l-aktar importanti f’ħajjithom f’termini ekonomiċi: il-kolonizzatur li kien jipprovdi (jew ma jipprovdix) ix-xogħol, u n-negozjant li kien jipprovdi l-qamħ, li minnu kien isir il-ħobż. Iżda din il-kuxjenza ma nħolqitx mill-ġuħ u l-għaks waħedhom iżda kienet frott ta’ snin twal ta’ ħakma imperjali u ta’ staġnar ekonomiku, u frott l-influwenza li kellhom il-ħaddiema tat-Tarzna minn ħaddiema Ingliżi li ġew Malta waqt il-gwerra minħabba t-talba kbira għall-ħaddiema li kien hawn dak iż-żmien.

Il-Maltin kienu jiddependu mill-attivitajiet militari u navali tal-Ingliżi għax-xogħol, u l-qalba tal-ekonomija kienet it-Tarzna Navali. Malta kienet tintuża bħala bażi, minħabba l-pożizzjoni strateġika u l-portijiet eċċellenti tagħha. Il-politika tal-Gvern Ingliż kienet torbot biss ma’ dawn l-interessi. B’nuqqas ta’ investiment u industrija, il-pajjiż kien f’qagħda ekonomika ħażina ħafna. Kien hawn faqar kbir u xogħol ftit, tant li min kien jaħdem fit-Tarzna kien jitqies bħala privileġġjat u l-Maltin kienu saħanistra jqisu ‘l-Ingliżi bħala l-benefatturi tagħhom (Mario Ellul 1998). Kienet l-influwenza tal-ħaddiema Ingliżi fit-Tarzna li ħeġġet lill-Maltin jiffurmaw it-trade unions tagħhom (Karmenu Ellul-Galea 2001) . Allavolja din l-influwenza għad trid tiġi rriċerkata u studjata sew, nassumi li tat kontribut kbir biex il-ħaddiema Maltin jaqtgħu ftit mis-serviliżmu kbir li kellhom lejn l-awtoritajiet Ingliżi biex fl-aħħar jaffrontawhom u jagħmlu t-talbiet tagħhom. Fl-1917 kien sar l-ewwel strajk mill-ħaddiema tat-Tarzna u ftit wara ħaddiema f’oqsma oħra bdew jitħajru u jorganizzaw rwieħhom.

Mid-dawl ta’ dawn il-fatti nistgħu nikkonkludu li wara l-ispontanjetà tar-rewwixta tas-Sebgħa ta’ Ġunju hemm proċess politiku importanti ħafna li l-klassijiet tal-ħaddiema jgħaddu minnu u dan il-proċess huwa l-kunflitt tal-klassi. F’dan il-kunflitt ix-xenarju huwa dejjem l-istess: il-ħaddiem li qed jiġġieled għal kundizzjonijiet aħjar kontra dawk li minnhom jiddependi fuqhom għall-għixien tiegħu. Għalhekk ir-rewwixta tas-Sebgħa ta’ Ġunju hija sinifikanti ħafna fl-istorja ta’ Malta għaliex apparti l-fatt li bħala riżultat Malta ngħatat is-Self Government fl-1921, il-klassi tal-ħaddiema kienet ħadet ir-rwol ta’ katalist għall-bidla, għax ma baqgħetx biss il-klassi medja fuq quddiem tagħmel it-talbiet lill-awtoritajiet.

Ir-Rewwixta Ingliża
L-akbar differenza mir-rewwixti tal-Ingilterra qiegħda fin-natura tal-klassi li pparteċipat fihom. Ir-rewwixta kienet xogħol il-klassi l-aktar baxxa, dik li Marx u Engels jsejħu l-lumpenproletarjat. Din hija l-klassi li ma taħdimx u li mhijex involuta fil-proċessi tal-produzzjoni jew tal-akkumular tal-profitt. Hija klassi inutli, li m’għandha l-ebda rwol fis-soċjetà ħlief biex forsi timla r-reġistri tal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet reliġjużi. Hija klassi li m’għandhiex kuxjenza politika u tgħix mil-lum għall-għada fi stat ta’ faqar.

Din il-klassi teżisti f’kull belt u metropoli tad-dinja u f’postijiet bħal Londra fejn il-ħajja hija għolja ħafna. Dawn il-persuni jgħixu ħajja diffiċli u b’hekk is-serq isir metodu ta’ soppravvivenza. Is-suq l-iswed, fejn jinbiegħ kull tip ta’ oġġett minn televixins HD sal-crack cocaine, huwa sors kbir ta’ qligħ għal din il-klassi. Il-kunflitt kbir li għandha din il-klassi m’huwiex mal-kapitalist jew mal-impjegatur u l-anqas mal-politiċi jew man-negozjanti, imma l-kunflitt huwa primarjament mal-pulizija u l-forzi tal-ordni. B’hekk il-kunflitt tal-klassi l-baxxa huwa kompletament differenti mill-kunflitt tal-ħaddiem. L-ewwel nett il-klassi l-baxxa (jew sottoproletarjat) ma tiddependix minn fuq il-pulizija, anzi, il-pulizija tagħmel is-soppravivenza ta’ din il-klassi iktar diffiċli, u t-tieni, tħares lejn il-klassi tal-ħaddiema bħal ma tħares lejn il-membri tal-klassi tal-borġeżija: bersalli li tista’ tisraqhom. Meta din il-klassi tirvella u toħloq rewwixta, m’hemmx rispetti u kullħadd jisfa vittma tagħha. L-inqas provokazzjoni mill-pulizija jew att awtoritarju jista’ jinstiga lill-membri ta’ din il-klassi jirvellaw f’att ta’ vendikazzjoni u biex fl-aħħar mill-aħħar juru li t-toroq huma tagħhom u mhux tal-pulizija.

Il-konklużjoni li wieħed jista’ jagħmel minn din l-analiżi qasira hu li wara l-kwinti ta’ rewwixta mill-klassi tal-ħaddiema dejjem hemm proċessi kumplessi ta’ tibdil. Min-naħa l-oħra rewwixta mis-sottoproletarjat ikun hemm warajha biss battalja għall-kontroll tat-triq, u jekk din tintrebaħ mill-klassi l-baxxa, dejjem hi rebħa temporanja għax l-klassi l-baxxa mhijiex organizzata u kbira biżżejjed biex tikkontrolla t-toroq b’mod permamenti. Fil-fatt ir-Rewwixta Ingliża ser tibqa’ fil-memorja tagħna bħala rewwixta li ġiet u marret u li ma ħalliet l-ebda impatt politiku warajha.

Referenzi
1 ELLUL Mario, Maltese Imperial Mentalities: Subjecting The Maltese Mind to Imperial Rule fi Storja ’98, University Historical Society Malta, 1998.

2 ELLUL GALEA Karmenu, It-Trejdunjoniżmu f’Malta – Ir-Raba’ Ktieb, Pubblikazzjonijiet Indipendenti, Malta 2001.

Mark Camilleri, student tal-istorja l-Università ta’ Malta, spara għall-fama u n-notorjetà wara li ppubblika n-novella Li Tkisser Sewwi ta’ Alex Vella Gera fuq ir-rivista Ir-Realtà.

Ara wkoll l-artiklu ta’ James Debono.

2 thoughts on “Bejn rewwixta u ohra

  1. Żewġ kummenti dwar l-artiklu tiegħek. Fil-bidu xħitt mistoqsija interessanti li tirrigwarda r-raġuni għala l-Istat Malti għadu jikkommemora s-Sebgħa ta’ Ġunju. Filwaqt li għandi dubji serji kemm nistgħu ngħidu li llum il-ġurnata verament l-Istat qiegħed jikkommemora s-Sebgħa ta’ Ġunju (li bħal dati importanti oħra sar skuża tajba biex il-partiti jniedu kampanji ta’ ġbir ta’ flus u ħaddieħor biex jagħmel il-parties f’Ta’ Qali)kien hemm żmien meta l-fervur Soċjalista ra l-importanza ta’ din id-data appuntu għaliex kienet manifestazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema. Iżda wkoll, il-forzi pro-Taljani raw din id-data bħala xhieda tal-awtoritarjaniżmu Britanniku li xegħlitihom aktar il-mibegħda lejn il-Kuruna Ingliża. U allura, kien hemm interessi totalment iddivorzjati minn xulxin għala dan l-avveniment baqa’ mfakkar.

    Fil-konklużjoni tiegħek tajt wieħed x’jifhem li r-rewwixti fl-Ingilterra se jmorru bħalma ġew — lejn imkien. Jien naħseb li m’għandniex inkunu daqshekk kategoriċi. Jekk il-gvern Ingliż, xprunat mill-irvellijiet tas-sottoproletarjat, se jħarrax il-mezzi taż-żamma tal-ordni, u se jisma’ mis-sejħiet li qegħdin isirulu biex jirrevedi l-politika mhux-restrittiva fl-iskejjel, allura se jkun hemm bidliet sostanzjali, li x’aktarx aktar milli lis-sottoproletarjat se jispiċċaw jafftettwaw sew lill-klassi li tiġi fuqhom. Wieħed għad irid jara kif se jirreaġixxi l-Gvern Ingliż għal dawn l-irvellijiet.

  2. Fuq l-ewwel punt li ghamilt ghandek ragun u missni spjegajt iktar. Anthony Zarb kiteb teziz shiha fuq kif il-partiti politici jharsu lejn dan l-avveniment u ghalkemm ma naqbilx mal-analizi tieghu nissuggerilek li ttiha titwila.

    Issa, fuq il-konsegwenzi li qed issemmi inti, jien ma nqishomx bhala kambjamenti politici izda kambjamenti teknici. Jekk tizdied ‘is-sigurta’ u s-sorveljanza, ma jkunx biss frott l-irvellijiet izda jkun ghal-fatt li x’jigri x’jigri hekk qieghda t-trend bhalissa.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


5 + 6 =

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>