L-Udjenza – Horrible Bosses

 Hairdryers.   Tnejn, sitta, tnax……sittax.   Kemm ghandek fuq ir-rapport?

Tmintax

U ejja….qas hawn ma qbilna?!  Isa, iċċekkja waħda dik il-kaxxa farrada li sibna mal-‘Epilators’  Jon, ma jmurx kienu huma.

Ix-xfar t’għajnejja bdew jaħarquni  bl-għaraq  hekk kif waqaft niċċassa lejn  Jonathan ikarkar saqajh sat-tarf l-iehor tal-maħżen.  Tajt ġibda lill-flokk għasra mwaħħal ma’ dahri u tbaxxejt inħokk  l-għekiesi  li bl-għabra tal-kaxxi bdew jikluni daqs id-dimonji.  Kien hemm, bid-demm nieżel għal rasi, li qtajtha li mmur saċ-ċinema.

Hawn huma…sibthom! Hawn tnejn oħra hawn. Tmintax. Qbilna.

Mhux għax kien hemm xi ħaġa għall-wiri li tħeġġek tiġri lejn is-swali.  Iżda l-idea ta’ sagħtejn divertiment ikkakmat fuq pultruna ghall=arja kkundizzjonata wara nofs ta’nhar xogħol tal-beati kellha ħakma kbira wisq. U DIVERTIMENT kelli f’moħħi.  Mhux it-tip ta divertiment li jġib miegħu ċertu ċinema impenjat, iċ-ċinema tal-eleganza kajmana, tal-inkwadraturi maħsuba bir-reqqa  u s-sottilezzi metaforiċi , iżda ċ-ċinema tad-daqqa u ġewwa. Iċ-ċinema mfassal mill-kumitati, iċ-ċinema tal-formuli.  Iċ-ċinema tal-intratteniment li ximindaqqiet xorta jipprovdilek dik il-ġawhra li tikkonfondi ‘l-kritiċi u thalli ‘l-‘esperti’ jitlewmu fuq il-merti jew id-demerti tagħha. Iċ-ċinema li fil-parti l-kbira tiegħu jintesa ħames sekondi  wara  li jinxtegħlu d-dwal tar-ribalta. Minn twila sa qasira – iċ-ċinema li jikkaratterizza s-sajf.

Horrible Bosses ġawhra  mhuwiex.  Mhux talli hekk, talli lanqas bqajt niftakru nofs siegħa wara li beda. Il-film jimxi fuq premessa (ovvjament) sempliċissima li setgħet issarrfet f’farsa pjaċevoli. Tliet impjegati najxi  li ta’ kuljum ikollhom jissottomettu ruhom għal umiljazzjonijiet varji min-naha tas-superjuri tagħhom jiddeċiedu li jirrikorru għal miżuri drastiċi sabiex itemmu dan l-abbuż. F’kemm ilni ngħidilkom iharbxu pjan xejn inġenjuz (anke għal din ix-xorta ta’ kummiedja) sabiex jeħilsu darba għal dejjem mill-imgħallmin tagħhom.

Kif tista’ tmur ħażin bi premessa li għalkemm riċiklata, tibqa’ sors interminabbli ta’ possibbiltajiet komiċi? Liema impjegat qatt ma hass ix-xewqa li jwaħħlu lill-imghallem tieghu? Kif tista’ ma tidentifikax, imqar superfiċjalment, mat-tema grotteska ta’ dan Horrible Bosses? Kif jista’ film b’kast li jinkludi lil Kevin Spacey jirrepeti l-karattru vixxidu li tana fi Swimming with Sharks;  lil Colin Farrell fil-parti ta’ kkowkjat iffissat fil-qħab u l-arti marzjali u lil Jennifer Aniston, li għal darba tirriżenja mir-rwol tal-girl next door sabiex tilbes il-ġagaga ta’ dentista nimfomani li l-ħin kollu ‘trid’,  ifalli l-mira b’mil u nofs? Faċli. Ipprovdi skript mingħajr battuti, vittmi b’kariżma tant xipli li impossibbli tempatizza magħhom, u  serje ta’ inċidenti mġannta flimkien minn ċorma regettiera.  Il-virtù ta’ dawn il-kummiedji hekk imsejha ‘ghall-adulti’ suppost tinsab fis-sitwazzjonijiet spinti u l-kitba kemmxejn osè (ghall-istandards Hollywoodjani) immirati għal udjenza imxebba’ mill-eċċessi tal-‘blockbusters’ li jiddominaw is-sajf u l-Milied.

Ximindaqqiet dawn  l-istrategiji kummerċjali jwelldu sorpriżi ħelwin bħal, ngħidu aħna, The 40 Year Old Virgin, Forgetting  Sarah Marshall jew l-ewwel ħarġa taAmerican Pie.  Kummiedji li taht il-fasla goffa tagħhom stajt tisma’ l-fdal ta’ qalb tħabbat. Sfortunatament, spiss jiġri li l-farsa tintradam taht il-karikaturi ingombranti tagħha u kull ma jifdallek huwa  xeneġġata vulgari u offensiva.   Vulgari mhux fis-sens dejjaq tal-kelma, iżda fil-ħerqa eżagerata ta’ produtturi li jinvestu wisq fl-espliċitu u wisq ftit fil-għożża, il-kreattività u l-fantażija li jagħmel iċ-ċinema, f’kull forma tiegħu, mezz ta’ divertiment imprezzabbli.

Madankollu l-film mar tajjeb hafna fil-box office. Il-Marketing Execs tan-New Line  kellhom raġun u għada nerġa’ lura l-maħżen denbi bejn saqajja forsi nlesti l-għadd tal-istokk.

Taġnijiet tal-20ċm.  Mija u erbgħa u ħamsin.  Qbilna, Jon?

 
[box type="info"] Horrible Bosses Direttur: Seth Gordon Atturi: Jason Bateman, Charlie Day, Jason Sudeikis, Jennifer Aniston, Colin Farrell, Kevin Spacey Tul: 98 Minuta – Għalkemm personalment ħassejtu mhu ser jispiċċa qatt.[/box]
 

Meta ma jkunx qed jgħodd it-twaġen, Mario Vella jkanta mal-Brikkuni. Ippubblika xogħol poetiku u liriku fl-antoloġija Ħbula Stirati.

 

One thought on “L-Udjenza – Horrible Bosses

  1. Mort narah ilbieraħ wara x-xogħol ma’ ħabiba tiegħi. Kont għajjien mejjet u kont ċert li se norqod waqt il-film. Imma tant dħakna li ħriġna minn hemm bid-dmugħ f’għajnejna.

    Però jibqa’ l-fatt li huwa film xejn oriġinali u verament imfassal bil-formula. Jiġifieri mhux se niddefendih bħala film tajjeb. Sempliċiment li jekk l-għan tiegħu huwa li jdaħħak, fil-każ tiegħi, ta’ ħabibti, u ta’ sala sħiħa nies, it delivered.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


9 − = 5

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>