Cali Grima

Il-kittieba mhumiex kollha l-istess. Mhux bilfors jibdlu l-mara mal-ewwel ċans, biex nagħtu eżempju minn mija ta’ ħajja laxka, avventuruża, mimlija. Lanqas ma huma bilfors erwieħ torja b’qalbhom perżuta. Hemm ħafna minnhom li jiġġieldu mal-ħajja daqs min ma jafx isensel kelma, jiktbu aktar kliem fiċ-ċekkijiet għall-kontijiet milli l-paragrafu mħarbex bis-serqa meta jkun mar jorqod kulħadd u kull ma jifdallu jħares lejh u ma jistax ikompli.

Hemm min, skont stejjer li smajt, kien imur mal-qħab ma’ pittur sieħbu, u minn sodda maġenbu f’kerrejja Strada Stretta, jgħidlu li xtaq kellu żobbu tal-ħġieġ biex jaraha ġejja, qabel ma daħal lura d-dar u kiteb poeżija oħra li ntesiet. Ieħor jista’ jkun li sabuh mejjet f’soddtu wara tlett ijiem b’ras minfuħa daqs ballun, min jaf għal xiex. U hemm oħrajn, ħafna oħrajn.

Min jikteb dwar l-Ażja u ma jkun qatt rifes fiha. Min jintemm fin-nisi li ħadem għalih hu. Min kellu storja li kien jafha kulħadd iżda li qatt ma ntqalet.

Ċali Grima kont narah bilqiegħda fuq it-taraġ tat-Teatru l-Imwaqqa’. Jekk ngħaddi minn hemm illum, ma nafx x’hemm u x’għad ikun hemm, u kont għoddni nsejt sakemm staqsieni nintervistah. Ma fhimthiex xewqtu, bħalma ma nifhimx tmienja u disgħin fil-mija milli jiktibli. Għaliex qatt ma kellimtu, għax kont nibża’ minnu u jġibli suddizzjoni. Jekk iħebb għalija, naqsmu: mhux dik il-problema. Forsi għaliex samrani daqni mgħaddam, komdu jitlajja l-Belt, u għaddej mgħaġġel b’għajnejja baxxuti minn ħdejh, daqslikieku naralu l-vini kollha għaddejjin minn ġismu u dak li kollu li għadda minnhom, u jiskomodawni dawk iċ-ċelloli mġienen ibaqbqu ssikkati taħt sura li tidhirli bilkemm titħarrek u għajnejn li nħosshom jiċċassaw lejn demmi mejjet.

Snin wara, u ninsih, bħal ma nsejt oħrajn (dak li kien tani daqqa ta’ ħarta għax għir għal tfajla li kelli, li kien jingħorok mal-kunjata, li kien jorqod fuq il-blat u jaqla’ xebgħa mill-Għarab, li għad nikteb storja dwaru biex inpattihielu, sakemm narah biex inċapċaphielu jien, għax donni ma nsejtx). Ċali jiġi jsibni, fl-aħħar waslet tiegħi ukoll, minn fuq poeżija u mill-Facebook.

Miżjud bħala ħabib, nidħol fi klikek li mhux tiegħi. Facebook. Stay connected. Nara d-diski li jħobb, u ma nisma’ xejn minnhom. Jibgħatli waħda dedika wkoll. U naqrah u ma nifhmux. Bħal meta jgħidli li diffiċli tifhem ir-right brain tiegħi mil-left brain tiegħi u li moħħni f’saqajja bħal dak il-wino li jgħix New York fil-kesħa. Jew meta jiddeskrivi lilu nnifsu bħala astronawta ġo l-isptar another day, alla jsajjar ġot-taġen ta’ moħħu u jekk ma jibqax, imur għand xi ħaddieħor isajjar.

Nipprova nifhem u nibqa’ ma nifhmux, u ninkwieta li hemm x’tifhem u minix qed nasal għalih. Jew forsi din ċajta, ġibda tas-saqajn, fuq livell li jippretendi li jkun kożmiku, imma qabel ma jgħidli l-alkoħol hu jiena (jew l-alkoħol u jiena?), għax anki l-ortografija kollox ittri żgħar problema. Imma ma nħallix ‘il demmi rieqed jaqbeż għal ebda konklużjoni u nisforza biex nissielet mal-vers ħieles tal-kelmtejn għar-riq ma’ dan Ċali Grima.

Jien hekk fir-realtà wkoll, jgħidli. Wara li nsaqsih l-unika mistoqsija li verament irrid insaqsih, għadni mbewwel bħal snin ilu għaddej maħrub minn ħarstu, ma jmurx iniżżilni fl-imsaren ta’ belt li ma nafdax. Nazzardalu mistoqsija għajjiena (hu jsejħilha patetika): xi tfisser li tkun Belti, u jwieġeb li jisker meta jitilfu l-Beltin, kull belt fid-dinja trid tkun prostituta ddaħħal kull żobb ta’ iswed abjad ikrah sabih immuffata u qatt m’ghandha tħares xi tbissima hemm fil-wiċċ….il-Belt mhux tal-Beltin qatt ma kienet.

Jien kont regettier tal-kliem jew dealer iktar…inpartat il-kliem nilgħab il-ħbub. U forsi hawnhekk, hawnhekk forsi, hawn forsi nibda nifhem.

Ma nifhimx li se jkellimni hekk, la nħabbat wiċċi miegħu, għax żgur ma jkellimhomx hekk lill-klijenti tal-ħanut fejn jaħdem. Se jbigħ id-daqsijiet u l-kuluri b’riga għasafar, liżar mistrieħ, fwejjaħ ta’ fjuri, kurituri rashom ‘l isfel? Nifhmu meta naqrah, meta vrusu jkollhom bilfors joqgħodu għad-dettat tal-paġna, u ma nifhimx xorta, imma hawn nieħu gost, nitgħammex bi splużjonijiet ta’ xbihat li mhemmx bżonn tfittex ir-rabtiet bejniethom, bħalma bilfors itambarlek ma’ nagħsek dak demmek mejjet.

U jibqa’ jkellimni u ma nistax nasal għal dak li jrid jgħidli - il persona … ma fadallux ħin iktar fil-qabar Carl Jung joħlom liem persona sar jekk ma sarx Bergman – sakemm inċedi, u nħalli lili nnifsi sempliċement ngħum f’dal-kliem imlaqqat biex xi darba jiġġannat.

Ċali Grima jmissni, fl-injoranza tiegħi għaliex nagħraf li m’għandix l-għodod biex nispjegah. Fl-inġenwità tiegħi, għax forsi qed ibellagħielhi li poeta, jirkantali x-xbihat li qatt ma nista’ nirbaħhom u nħallashom. F’dak li jien bħala speċi soċjali, demm relattivament mejjet, nibża’ u negħleb il-biża’ billi noqgħod għal dak li qed jgħidli, prima facie, immur għal għajnu, inbaxxi rasi u naċċetta li ma sibt ebda garzella fejn indaħħlu komdu għall-kumdità tiegħi.

Imma jħallini naqra xogħlijietu għal aktar minn darba, għal dawk id-drabi ta’ meta jfettillek aptit li taqra xi ħaġa, mhux opra kbira u sħiħa, imma xi ħaġa li tiġi f’idejk, mill-istruzzjonijiet fuq il-bott tal-fwieħa sa, għala le, l-ewwel poeżija fuq il-paġna fejn jinżel sebgħek l-ewwel. U x-xbihat li bihom ikellimni u li għalih żgur qed jagħmlu sens, inħallihom jagħmlu sens għalija wkoll, kif irrid jien, kif l-aktar ifettlihom jolqtuni, kif mingħalija. Forsi anki jinkwetani, bħall-aħħar waħda li qalli: ..trid tkun Muhhamed Ali…l-aħħar ġlieda tiegħu…x’inhu l-artist ?… hu boxer… ? hemm il-punches tal metafori….il-1 inch punch …?.

Irid iħawwadni, biex nifhmu?

Għax il-kittieba mhumiex kollha l-istess.

Ċali Grima, flimkien ma’ Antoine Cassar, Alex Vella Gera, Mario Vella u Kevin Saliba, ippubblika xogħlijietu fl-antoloġija Ħbula Stirati (2007)

Il-blogg tal-poeżiji ta’ Ċali Grima http://rotaroza.blogspot.com/

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


− 1 = 1

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>