Telefonati…

Telefonati li ħsibthom nejka imma kienu bis-serjetà
Minn David Darmanin ta’ Taverna Sugu

Jekk ma tgħallimt xejn f’dax-xogħol hu li jekk iċempillek xi ħadd biex jibilgħu f’għajnu bik, ibqa’ ħudu bis-serjetà sal-aħħar, għax qatt ma tista’ tgħid hux bis-serjetà. Pereżempju…

 

 

L-‘uffiċjal’ ministerjali
M’ilux ħriġt avviż daqs naqra fuq it-Times biex nirreklama li kelli bżonn ħassiela. Waħda mill-ewwel telefonati li rċevejt kienet minn xi ħadd li jridha ta’ uffiċjal ministerjali.

 

Psewdo Uffiċjal: “Hello. Ħa ngħidlek min jien, biex forsi ma taħsibx li ċempiltlek biex ngħidlek dan li ser ngħidlek u ma tkunx taf ma’ min qed titkellem.”

Jien: “Inqala’ xi ħaga?”

Psewdo Ufficjal: “Le, le… serraħ rasek. Ma ġara xejn. Qed inċempillek mill-ministeru tal-****. Jien ****, il-messaġġier tal-ministru ****… Ha ngħidlek, Sur Darmanin…”

Kif il-qaħbeċ kien jaf ismi?

Psewdo Uffiċjal: “Dan l-aħħar inti ħrigt avviż fuq it-Times fejn irreklamajt għal cleaner. Għandha ċċempillek ċertu ****, li bħalissa taħdem l-istess xogħol il-ministeru u tixtieq titlaq. Biex taħseb fiha plijs. Kieku mhux tajba mhux ser inċempillek.”

Issa kont konvint li kienet nejka. Probabilment sieħbi l-Lanu.. “Sur messaġġier. Jiġifieri int qed tgħidli li kieku kienet ħażina f’xogħolha kont tara x’tagħmel biex iżżommha?”

Psewdo Uffiċjal: “Sur Darmanin, teħodnix ħażin. Jien qed inċempillek mill-ministeru biex nitolbok pjaċir. Nista ngħidilha tigi tkellmek ftit?”

Jien: “Nista nitolbok pjaċir jien? Tista’ tmur titnejjek?”

 

—-o—-

 

It-tieġ tat-tifla
Hawn fejn ikkonvinċejt ruħi li m’għandi qatt niddiversifika fil-bejgħ tax-xorb alkoħoliku bl-ingrossa. 

Jien: “Taverna Sugu, good evening?”

Klijent prospettiv: “Hello, hemmhekk fejn?”

Jien: “Taverna Sugu hawnhekk.”

Klijent prospettiv: “Tal-Averna hemmhekk?”

Jien: “Sigh… Iva?”

Klijent prospettiv: “Tini xi prezzijiet plijs?”

Jien: “Nista nirreferik għall-website, fejn tkun tista tara il-menus tagħna bil-prezzijiet?”

Klijent prospettiv: “Eħe. Ħa nghidlek. Għandi t-tifla ser tiżżewweġ u għandi bzonn xi prezzijiet tal-Averna.”

 

—-o—-

 

L-ikel Malti
Mhux kullħadd jaqbel mad-definizzjoni tal-ikel tradizzjonali Malti. S’hemmhekk kollox sew. Imma din wisq…

Klijent Prospettiv II: “Hello. Hemmhekk x’ikel issajru ħi?”

Jien: “Hawnhekk nagħmlu ikel tradizzjonali Malti, sinjur.”

Klijent Prospettiv II: “Ikel tradizzjonali Malti bħal xiex?”

Jien: “Bħal timpana, ross il-forn, fenek, pixxispad fiz-zalza tat-tadam u l-kappar, qarnit…”

Klijent Prospettiv II: “…Bħal burgers, pizza u hekk?”

Jien: “Erm.. le. Jiddispjaċini, burgers u pizza ma nagħmlux.”

Klijent Prospettiv II: “Mela x’tagħmlu?”

Jien: “Jekk jogħġbuk il-burgers, nagħmlu l-pulpetti li jfaħħruhom ħafna.”

Klijent Prospettiv II: “Jiġifieri burgers?”

Jien: “Le. Pulpetti. Jfaħħruhom hafna.”

Klijent Prospettiv II: “U pizza tagħmlu?”

Jien: “Le. Imma jekk togħgbok il-pizza, nagħmlu l-ftira l-forn.”

Klijent Prospettiv II: “Tagħmlu capricciosa?”

Jien: “Le, jiddispjacini. Capricciosa ma nagħmlux.”

Klijent Prospettiv II: “OK. Erfagħli mejda barra għal erbgħa llejla.”

Jien: “Barra m’għandniex, jiddispjaċini. Ir-restaurant tagħna kien ‘townhouse’ antika fiż-żmien. Dawk tal-Birgu ma kellhomx ġonna. Però ġewwa bl-air conditioning jekk trid toqgħod ghall-frisk.”

Klijent Prospettiv II: “Mela mhux il-Waterfront qegħdin?”

Jien: “Le, fiċ-ċentru storiku.”

Klijent Prospettiv II: “Jiġifieri mhux il-Waterfront?”

Jien: “Le, mhux il-Waterfront.”

Klijent Prospettiv II: “Ara ħi, terfagħli xejn.”

 

—-o—-

 

Il-famuża vodka Serba
Kif qatt ma ppruvajtha l-vodka Serba? Ma nistax nifhem kif wara 15-il sena f’dan ix-xogħol qatt ma smajt biha…

Salesman: “Hello , qed incempillek minn ****, biex neħodlok l-ordni tal-ispirti.”

Jien: “Mela le. Għandi bżonn wieħed Sambuca…”

Salesman: “X’għandek bżonn?”

Jien: “Sambuca.”

Salesman: “Eh?”

Jien: “Dak tal-bużbież.”

Salesman: “Kif tispellieħ ħa nara għandniex?”

…Wara martirju niddettalu, ir-risposta tiegħu: “Eh, Żanbuka trid. Mela għidli sewwa ħija.”

Jien: “Tnejn JB.”

Salesman: “OK tnejn Jim Beam.”

Jien: “Ma nafx hux ħazina l-linja. JB mhux Jim Beam.”

Salesman: “X’iktar?”

Jien: “Tlieta vodka.”

Salesman: “X’vodka trid, ħi?”

Jien: “Smirnoff.”

Salesman: “Għandi vodka tas-Serbja jekk trid.”

Jien: “Qatt ma smajt biha. X’inhi d-ditta?”

Salesman: “Ma nafx.”

Jien: “Għamilhom Smirnoff.”

Salesman: “Ħu tas-Serbja. Aħjar.”

Jien: “X’għandu miktub fuq il-flixkun?”

Salesman: “Siberian Vodka.”

 

—-o—-

 

Il-ġar li jiddependi fuq martu biex jinftiehem
Din mhux telefonata kienet, imma ħsbit li għandi ninkludiha għax meta smajt lil kollega tiegħi jitkellem ma’ wieħed mill-ġirien u ma’ martu, bilt taħti bid-daħq.

Ġar: “Hawn ħi. ix-xogħol orrajt?”

Kollega: “Ma ngergux il-ħin kollu. Inti kollox sewwa?”

Ġar: “Insomma… għadni kemm gej mill-isptar…”

Kollega: “Ħazin istja. X’inqala’?”

Ġar: “Għamluli s-sigill.”

Kollega: “X’għamlulek?”

Il-mara tal-ġar: “Kemm int aqqanna injurant. L-ECG, għidtlek elf darba.”

 

David Darmanin huwa l-kok u s-sid tad-dverna tradizzjonali Maltija Taverna Sugu. Għal aktar informazzjoni żuru www.sugu.com.mt

2 thoughts on “Telefonati…

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


6 − 4 =

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>