Is-sewwieq li ma jsuqx

Mhux ħa nsemmih b’ismu għax kien qed jikser il-liġi. Ta’ ħmistax kien diġà jsuq qisu mhux hu. Konna l-iskola flimkien u darba s-Sibt mort għandu. Inżilt minn tal-linja u sibtu jistennieni ħdejn il-venda, fil-Cortina ta’ missieru. Iktar tard dakinhar morna Ta’ Qali u soqt karozza għall-ewwel darba. Qed ngħidu l-1989.

Minn dakinhar ’l hawn għaddew 22 sena u soqt karozza forsi sitta seba’ darbiet, mhux iktar. Bħall-maġġoranza kbira tan-nies, meta kont għadni taħt l-età stennejt li malli nagħlaq 18-il sena nġib il-liċenzja, iżda meta għalaqthom, ma niftakarx eżatt għalfejn, ma ħadtx dak il-pass. U s-snin għaddew. Drajt nimxi, jew naqbad tal-linja, jew nistenna lill-ħbieb iwassluni, fl-erbgħa ta’ filgħodu għadni Paceville, mejjet għas-sodda imma jkolli nistenna biex niddobba lift. Ma kienx hemm xi ideologija ekoloġika, jew anti-soċjali, jew xi biża’ tas-sewqan fl-għażla tiegħi. Lanqas biss kienet għażla. Sempliċiment ġiet hekk ħajti.

Iżda bil-mod bdejt insir konxju ta’ kemm kien vantaġġ li ma jkollokx karozza. L-ewwel nett, hija oġġett kbir, li trid tieħu ħsiebu, anke jekk ikollok karrakka qed taqa’ biċċiet kif kellhom ħafna minn sħabi. It-tieni, trid tixtri l-petrol, u b’ħames liri fl-1994 kont tixtri seba’ cassettes vojta tas-60 u tirrekordja daqstant albums, li jservuk ta’ ġid ħafna iżjed minn kwart ta’ tank mimli. Ġieli kien jgħaddili minn moħħi l-ħsieb li jmissni nagħtihom xi kontribut ta’ flus lil dawk l-irwieħ tajba li jwassluni ’l hemm u ’l hawn, imma ħsieb baqa’ biss.

Kont diġà nimxi ħafna, iżda bla karozza l-mixi beda jsir għalija speċi ta’ kredu, parti intrinsika mill-identità tiegħi, speċjalment meta skoprejt li min-nies kollha li kont naf, jiena biss ma kellix karozza. Ġara mbagħad li fil-mument fejn kont se nibda nsir anomalija soċjali kbira, tlaqt ngħix barra, fil-belt ta’ Praga, fejn spiċċajt ma naf lil ħadd li għandu karozza.

Il-ħajja f’belt fejn it-trasport pubbliku huwa eċċellenti ma tirrikjedix li jkollok karozza, biex ma nsemmux il-fatt li kont broke, u lanqas biss kont noħlom li nonfoq tliet snin paga fuq oġġett wieħed. Fi Praga bdejt napprezza l-mixi bħala azzjoni kreattiva, li permezz tagħha niskopri l-limiti tiegħi, mhux biss fiżiċi iżda mentali l-iżjed. Imma dan huwa suġġett ieħor.

Fl-2001 erġajt inżilt ngħix Malta u sibt ruħi f’sitwazzjoni differenti minn meta kont tlaqt. Sħabi kienu jew telqu minn Malta jew kibru ġmielhom, saru rġiel, b’xogħol nine to five u ħajja soċjali ferm iżjed ristretta. Aktarx kont nibqa’ bla liċenzja xorta waħda li kieku ma bdietx iddur ix-xniha li l-gvern kien se jibdel ir-regoli tal-eżami għal-liċenzja. Fi kliem ieħor, kien se jsir diffiċli li tgħaddi, mhux bħalma kien għadu, farsa totali milli kont smajt. Ġurnata minnhom ċempilt lill-Mangu, irranġajna fuq il-ħin u l-post, u bdejt immur lezzjonijiet.

Skoprejt li kont diġà naf insuq. Ir-regoli bażiċi tal-gass u l-brejk u l-gerijiet kelli idea tagħhom, u kull ma kelli bżonn ftit prattika. Fil-fatt, ħafna prattika. Imma, true to form, l-eżami għaddejtha bla problemi anke jekk ftit kelli idea kif għandek issuq fit-traffiku, u fl-eżami stess ħawwadt is-sinjali tat-triq.

U b’hekk sirt sewwieq. Iżda karozza ma kellix. U ma kellix ħsieb li nixtri waħda. Spiża bħal dik! Not my style. Hemm nies jieħdu loan biex jixtru karozza. Le grazzi. Fortunatament kelli tfajla issa, u hija kellha karozza. Saret ix-xuffiera tiegħi, mhux dejjem kontra qalbha. U jiena ftit li xejn soqtha l-karozza tagħha. Hemmhekk beda dieħel aspett li kont naħsbu noneżistenti fin-non-sewqan tiegħi: il-biża’. Skoprejt li kont nibża’ nsuq. Kelli karozza li stajt naqbad u nitlaq biha kulmeta rrid u xorta bqajt nimxi, minn Ħ’Attard sal-Imsida, jew ninterrompi konverżazzjoni interessanti l-Jubilee l-Belt biex nilħaq l-aħħar karozza mill-Belt fl-għaxra ta’ filgħaxija. Iżjed u iżjed meta twieled ibni. Ma stajtx insuq bih fuq wara. Iġġammjajt.

Ħlief darbtejn meta kont Għawdex ma soqtx. Sirt napprezza t-toroq Għawdxin b’dawk it-tundjaturi u tlajja’ u nżul pjaċevoli u pittoreski. Forsi qed jagħtuni lemħa ta’ x’inhi l-libertà, the open road. Iżda jiena nimxi nħobb.
Bħalissa (2011) ninsab f’salib it-toroq. Il-mara (it-tfajla li semmejt qabel) tatni ultimatum. Irrid nibda nsuq bil-fors. Mhux biss meta ninżlu Malta (ngħix Brussell), iżda l-Belġju stess, biex nibdew nivvjaġġaw barra mill-belt fil-weekends, biex insiru sidien tad-destin tagħna, u mhux marbutin ma’ skedi tat-trejns u mat-temp imprevedibbli.

Waħdi jiena lest nistenna sagħtejn għal trejn, ma’ familti ma tantx. Għalhekk, din li rrid insuq bil-fors hija kważi appell mill-mara ta’ ħajti li nsir raġel, raġel fil-veru sens tal-kelma, wieħed li jaqbad l-istering u jagħfas il-gass u jieħu l-familja tiegħu lejn destinazzjonijiet ġodda. Qed inħossha ħafna din is-sejħa tas-sewqan/tal-irġulija u nissusspetta li tfisser xi ħaġa importanti.
Forsi tistgħu tgħiduli?

4 thoughts on “Is-sewwieq li ma jsuqx

  1. Xejn ma ngħidlek Alex, jekk beħsiebek anke kontra r-rieda tiegħek tibda ssuq, nirrikmanda li tiġi bil-lest minn Brussell. Żgur għandek inqas nejk, ħela ta’ ħin u daħq fil-wiċċ mill-motoring schools u l-entitajiet hemmekk milli hawn.

  2. Jien hadt il licenzja 10 snin ilhu, u bdejt insuq 5 snin ilhu biss. Jien ghandi 48 sena. Bdejt insuq ghax ta bil fors, biex inwassal it tifel l-hemm u l-hawn u biex naghmel il qadi tieghi. Ma stajtx inkompli inserrah ghal lifts minn missieri jew ir-ragel. At the end of the day, inhossni tajba li bdjet insuq u ma nafx kif kont inkampa qabel. Bhalek kont inhobb nimxi, imma wara sena ta marda saqajja ma tantx ghadhom ituni. Pero good luck in your new endeavour. It will make a whole difference to your life.

  3. Iktar ma jkollok fil hajja tieghek, iktar ha jkollok problemi. issa la iccapast ma dik it tip ta hajja jien nissugerilek li tibqa sejjer u tibda issuq illum qabel ghada. Jekk trid tibqa tivjagga btal linja nahseb kien ikun ahjar kieku tibqa singlu. nawguralek li tirnexxi

  4. Ibdew ivvjaġġaw bir-rota. Ħafna isbaħ ħa ngħidlek. Tista’ tmorru kollha flimkien bit-tfal ukoll. Hemm ħafna mezzi llum il-ġurnata.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


4 + = 12

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>