Flimkien kollox possibli

53.16% tal-Maltin bid-dritt tal-vot ivvutaw favur l-introduzzjoni tad-divorzju. Ċifra li ssorprendiet avolja l-kampanja tal-IVA kienet kważi dejjem ftit fuq quddiem fis-sondaġġi li saru. Id-distakk finali fil-fatt kien ikbar milli kien mistenni tul il-kampanja.

In-nies ivvutat favur is-solidarjetà ma min għandu żwieġ li ma rnexxiex. Ivvutat kontra l-imposizzjoni ta’ valuri tradizzjonali fuq kulħadd. Fuq kollox, minkejja t-theddid in-nies ivvutat favur il-pluraliżmu tal-ideat u tal-valuri. Mhux kulħadd jaqbel ma dan. L-establishment insista li nibqgħu kif aħna. In-nies bi ħgara rrifjutat.

L-adulti għandhom id-dritt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Ma tiddeċidix għalihom la l-Knisja u l-anqas l-istat. Għax il-pluraliżmu mhux biss għax-xandir. Id-dritt tal-għażla mhux biss għaċ-ċikkulata jew għat-toothpaste. Iżda ukoll dwar x’valuri jmexxu ħajjitna.

Il-pajjiż għamel għażla ċara nhar it-28 ta’ Mejju 2011 : irid stat lajk. Mhux taparsi. Iżda ta’ veru.

llpup iebsin ta’ nagħaġ. Briganti. Hekk qalilna l-Isqof t’Għawdex lilna lkoll il-Kattoliċi li esprimejna ruħna favur id-divorzju. Dan id-diskors impressjona ħafna lill-merħla tiegħu li  68% minnha qablet miegħu. Imma l-bqija tal-pajjiż irvella għal dawn l-insulti. Għax mhux kulħadd nagħġa. Kollha għandna moħħ u l-parti l-kbira minna kapaċi nagħmlu użu minnu.

X’jiswa li fl-aħħar minuti tal-kampanja referendarja tintalab apoloġija jew biex nuża kliem l-Arċisqof Cremona “infittxu r-rikonċiljazzjoni” jekk hu ċar li m’hemmx l-iċken intenzjoni li wieħed jirrimedja? Għax issa l-Isqof t’Għawdex ġie rappurtat li qal waqt pontifikal fil-Munxar li m’għandu l-ebda dispjaċir, u jekk meħtieġ jirrepeti dak li għamel u dak li qal.

Sfortunatament l-Isqof t’Għawdex jittratta lill-fidili ta’ nagħaġ u mhux ta’ bnedmin li jafu jaħsbu u jixtarru. Nissuġġerilu li joqgħod ftit fis-skiet kif kien tal-parir Dun René Camilleri: biex forsi fis-skiet u l-ġabra jagħraf ftit dak li s’issa għadu ma indunax bih. Imbagħad forsi jaħsibha xi ftit differenti. Jista’ jkun li għandu bżonn ftit riflessjoni fil-kwiet bħal dik li ntbagħat jagħmel Patri Mark Montebello ġewwa l-Messiku.

28% tal-elettorat ma għamilx użu mill-vot
Kont nippreferi li kieku ivvutaw iktar nies għax nemmen fil-vot bħala l-ikbar għodda għall-bidla mill-qiegħ li dan il-pajjiż għad għandu bżonn. Imma qatt ma jiena ser nasal biex ngħid li min ma vvutax kien irresponsabbli kif għamel Mons Anton Gouder.

Meta nipprova nifhem għaliex in-nies ma vvutatx insaħħah il-fehma tiegħi.

Dawk li ma ivvutawx  jidher li prinċipalment għamlu hekk għax ħassewhom mhedda mill-Knisja u mill-aġenti tagħha, dawk tal-LE. It-theddid dwar id-dnub, it-tqarbin lill-anzjani, insulti dwar briganti u ilpup liebsin ta’ nagħaġ.

Sfortunatament il-Knisja f’Malta wasslet il-messaġġ li m’hiex kapaċi tikkoeżisti ma min għandu opinjoni differenti. Wasslet il-messaġġ li hi interessata biss f’sitwazjoni fejn tiddomina u tiddetta. Trid li l-valuri li tmexxi l-quddiem is-soċjeta jkunu esklussivament dawk li tapprova hi. Għadha Knisja tal-poter li tippretendi li tordna u tbezza’.  Messaġġ li l-iktar ħareg ċar bil-mod kif  ġieb ruħu l-Vigarju Ġudizzjarju Mons Arthur Said Pullicino: l-ewwel bil-prietka lill-avukati, l-maġistrati u l-imħalfin  fejn ħeġġiġhom li għandhom ikunu minn ta’ l-ewwel li jinvokaw l-oġġezzjoni tal-kuxjenza . Wara kompla bid-deċiżjoni li ċ-Chairman  tal-Moviment IVA  l-Avukat  Deborah Schembri  ma tistax tipprattika fit-Tribunali Ekklesjastiċi.

Il-vot tar-referendum ifisser ukoll vot kontra l-poter temporali tal-Knisja f’Malta. Poter li de facto l-Gvernijiet ta’ Fenech Adami u Gonzi fittxew li jindukraw. Għax bħalma fis-snin 70 u 80 kellna l-Gvern Laburista u l-General Workers Union li kienu miżżewġin (u spiċċaw bid-divorzju fl-1992), illum il-ġurnata għandna l-Gvern Nazjonalista u l-Kurja li jagħtu l-impressjoni li qed jikkoabitaw.

Il-kampanja referendarja kellha l-appoġġ ta’ persuni ta’ kull kulur politiku.
Għalkemm Alternattiva Demokratika kienet l-uniku partit politiku illi esprima ruħu bla riżervi favur l-introduzzoni tad-divorzju irid ikun rikonoxxut li l-Partit Laburista kien kważi hemm ukoll. Il-Labour kien f’posizzjoni skomda għax bħala partit ta’ massa ma riedx igerrex lil dawk li jappoġġawh iżda ma jaqblux mad-divorzju. F’dan is-sens id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kap tal-Opposizzjoni favur id-divorzju rinfurzati minn dikjarazzjonjiet simili mingħand diversi membri parlamentari laburisti għenu mhux ftit biex l-IVA jirbaħ ir-referendum.

Minkejja li l-PN iddikjara ruħu kontra d-divorzju, numru kbir ta’ partitarji nazzjonalisti injoraw dan il-fatt u għamlu ta’ rashom: appoġġaw l-IVA u ftaħru fil-pubbliku li għamlu dan. Speċi ta’ ħassew sodisfazzjon mhux biss li kienu qed jivvutaw favur id-divorzju talli fuq kollox kienu qed jagħtu daqqa ta’ sieq lill-element konfessjonali fil-PN.

Il-moviment favur l-IVA twieled f’dan is-sens ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni bejn persuni ta’ fehmiet politiċi differenti iżda bi skop identiku. L-identifikazzjoni flimkien ta’ Evarist Bartolo mill-Partit Laburista, Jeffrey Pullicino Orlando mill-PN flimkien ma’ Michael Briguglio u Yvonne Arqueros Ebejer minn AD kienet okkazzjoni ftit rari f’dan il-pajjiż. L-eliminazzjoni  tal-fruntieri li jifirdu fil-bidu nett tal-kampanja referendarja kien messaġġ li rari nisimgħu fil-politika Maltija.
Huwa eżempju prattiku ta’ kif tista’ issir il-ħidma politika. Dak li huwa rari f’Malta f’pajjżi oħra jiġri iktar spiss għax jeżistu konverġenzi fuq diversi materji. B’sens ta’ rieda tajba m’għandi l-ebda dubju li hu possibli li jinħolqu ħafna iżjed opportunitajiet ta’ kif flimkien kollox huwa possibli.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


1 × 2 =

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>