L-interdett u lil hinn minnu

Dan l-aħħar kont qie­għed nitkellem ma’ persuna dwar id-dibattitu li għaddej fuq leġiż­lazzjoni dwar id-divorzju. Jien infissirha hekk għax, hekk hi. Ħadd mhu qed jimbotta biex idaħħal id-divorzju – dak ħadd ma jix­tiequ, anzi nixtiequ li kull żwieġ jirnexxi. Iżda – ħasra, imma minnu hu dan – ma jiġrix hekk. Għadd ta’ zwiġijiet ifallu.

Id-diskussjoni hi – jew għall-inqas għandha tkun – dwar jekk, min iż-żwieġ ifallilu bla ma jidher li jista’ jerġa’ jissewwa tul mill-inqas erba’ snin separat, għandux ikollu d-dritt jagħżel il-mezz ċivili tad-divorzju.

Il-persuna li kont qiegħed nitkellem magħha taqbel li dan isir, iżda – qaltli – tibża’ li tindaħal il-Knisja. Għedtilha li nittama li le, għax din mhix ħaġa tal-Knisja. Għall-Knisja ż-żwieġ ma jinħallx, għalhekk tista’ toffri biss mogħdrija lil min jinsab bi żwieġ imfarrak.

Il-persuna l-oħra qaltli, imma l-Knisja ġieli tindaħal – ma jsemmux l-interdett?

Imbagħad ħasbitha u għam­litli mistoqsija oħra – sewwa sew x’kien l-interdett?

Ma kinitx qiegħda tiċċajt­a. Għandha mal-40 sena, ma tinteressahiex il-politika, u dehret li tassew ma tafx.

Ma skantajtx. Snin ilu talbuni nkellem lis-seminaristi r-Rabat. Jistidnuk għall-ikel u wara tkellimhom fuq suġ­ġett li tagħżel int. Jien flok nitkellem nippreferi niddiskuti – għidtilhom, ejjew niddiskutu l-interdett u lil hinn minnu, tridu?

Baqgħu jħarsu lejja, bi ftit jew xejn interess. Imbagħad wieħed minnhom qalli, tagħtiniex ħtija lilna, aħna twelidna snin wara dak l-episodju.

Nistqarr li għirt għal dawk is-seminaristi, u erġajt għirt għall-persuna li kont qed nitkellem magħha.

Għirt li ma jafux il-kruha ta’ dak iż-żmien kif nafha jien u dawk l-oħra li ġarr­bbuha. Is-snin għallmuni ma nagħti ħtija lil ħadd, għax min jien biex niġġudika? Jien nirringrazzja lil Alla li dak li għaddejt minnu ma ħassarniex bil-mibegħda.

Fl-istess ħin, għalkemm ma nitkellimx dwaru wisq, dak iż-żmien ma nsejtux. Ma tistax tinsieħ.

Ma tinsiħx biex titgħallem minnu u tittama li qatt ma nerġgħu lura għal xi ħaġa bħalu. Li qatt ma jkun hawn taħlit ta’ politika u reliġjon. Li qatt ħadd ma jitkellem jew jikteb goff, kif jista’ jkun li tkellimt u ktibt jien.

Li familji sħaħ ma jerġgħux jinqasmu dwar xi ħaġa bħal dik.

Li kulħadd jagħraf li lkoll għandna dritt għall-opinjoni tagħna, hu x’inhu l-kulur politiku tagħna. Ma ngħidx li jerġa’ jiġi dak iż-żmien, jekk għall-inqas l-ipokrezija ma tirrenjax suprema. Dakinhar kienu jgħidu li l-Partit Laburista kien kontra l-Knisja u l-Isqfijiet, waqt li l-Partit Nazzjonalista u l-partiti ż-żgħar kienu favurhom. Għaddew is-snin u mill-qalba tal-PN kien hemm min ma ddejjaqx jikkritika lill-isqfijiet fejn ma daqqux għal widnejh.

Jien ngħid li l-isqfijiet għand­hom ikunu stmati b’rispett, u ħadd m’għandu jitkellem iebes dwarhom. Li fuq kollox, ħadd m’għandu jdaħħal lilhom u lir-reliġjon fi kwistjonijiet fejn m’għand­homx x’jaqsmu.

Il-politika fis-Sittinijiet kienet waħda minnhom. Kif illum hi leġiżlazzjoni dwar id-divorzju. Nittamaw u naraw. Sadattant dik il-persuna li staqsietni l-interdett x’kien fakkritni f’ħaġa ta’ niket.

M’ilux wisq miet ħabib tiegħi mis-Sittinijiet. Jekk dak iż-żmien konna nitkellmu dwar suldati tal-azzar, sieħbi kien Marixxall tal-Azzar. Kien jikteb fil-ġurnali Laburisti, minkejja li kienu kkundannati. Bil-Malti kien jiffirma “Kum­mentatur”. Bl-Ingliż kien jiffirma “John Grech”.

Ma kienx jikteb kontra l-Knisja. Anzi, kien jikteb l-iżjed biex jitkellem dwar l-Enċikliki tal-Papiet, u biex juri kemm ma kienx minnu li t-twemmin Laburista – għidlu Soċjalista – ma kienx kontra tagħ­hom.

L-Arċisqof Gonzi u oħrajn kienu jaħsbu li hu qassis, u tgħidx kemm riedu jafu min hu. Ma kienx qassis.

Konna nafu min hu Nestru Laiviera, Lino Cassar u jien. F’li jikteb kien gladjatur ġgant. Sadattant tiltaqa’ miegħu kien umli għall-aħħar u kwiet. Minix se nsemmi ismu. Meta, ftit snin ilu, kont qed nikteb ġabra ta’ memorji li mbagħad ħriġthom fi ktieb jismu “Jien u Għaddej fil-Politika”, kont kellimtu biex nara jagħtinix permess ngħid Kummentatur/John Grech min kien.

Ħasibha ftit u qalli, aħjar le, jaf ikun hemm min għad irid ipatti.

Sgħobbija li ma stajtx nagħtih il-mertu li jistħoqq­lu. U nistqarr, lanqas qbilt miegħu dwar it-tpattija. Iżda naturalment, irrispettajt ix-xewqa tiegħu. Fil-ktieb semmejtu biss bil-psewdonomi li kien juża. U hekk se nagħmel illum.

Sadanittant, ħaqqu min ifak­kru. Ikun xieraq kieku l-fergħa kulturali tal-Partit Laburista toħroġ l-artikli tiegħu miġburin fi ktieb. Mhux biex tiftaħ il-pjaga. Iżda biex storikament tagħ­raf il-kontribut ta’ pilastru ewlieni tas-Sittinijiet.

U biex, min irid illum, jitgħallem…

 

Dan l-artiklu qed jiġi riprodott hawn bil-permess tal-awtur u deher għall-ewwel darba f’l-Orizzont (18 ta’ Marzu 2011).

One thought on “L-interdett u lil hinn minnu

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


2 × 8 =

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>