In-nejk u lilhinn minnu

“…imma din id-darba l-għadu huwa kbir, b’saħħtu, wiesa’ bi spallejn daqs travu; iżda huwa ukoll arroganti, Stalinist u fuq kollox, ma jaħmilx lil min mhux bħalu. Jhedded u jfajjar bl-addoċċ, ikeċċi lin-nies minn fuq il-post tax-xogħol, jitfa’ il-ġebla u jaħbi idu; għandu mod uniku kif jiġġustifika kollox u jħobb iżeffen fin-nofs il-mistiku, lil dak Alla li ħafna minna jemmnu fih iżda li mid-dehra huwa propjeta’ esklussiva ta’ dan l-għadu tagħna.

Għadu li għandu poter fid-djar u fil-knejjes, fil-kaxxa tal-posta miżgħuda b’imbarazz differenti fosthom il-Bargain, għadu li minn fejn jagħmel tattika ta’ bumbardament kontinwu. Bumbardamenti, Pastorali, biża, Stukas, theddid. Il-video ta’ Hitler li għamilt ftit ġimgħat ilu llum narah bħala xi ħaġa ta’ dinja oħra, donnhom użaw it-tattika ta’ Goebbels biex ipattu għal naqra ironija dwar Pierre Cordina.”

Donnhom għaddew ġimgħat, xhur, minn meta ħarbixt, f’mument ta’ ispirazzjoni li jista’  ikollu biss rivoluzzjonarju idealist maqbud f’nofs l-ikla tal-Old Aloysians, il-famuż KontraPastoral tal-Mullah.

Donnu żmien ieħor, kien għadu biss L-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra, u l-kamp tal-Le kien għadu qed itambrilna f’widnejna dwar nisa li ser jitilfu l-manteniment, kien għad hemm it-tfal, fuq il-billboards, jgħidulek Ivvota f’Ismi u kien hemm l-qassisin ta’ l-irħula lesti bl-ixkubetti f’idejhom sabiex joqtlu l-marda liberali, ħafna minnhom nostalġiċi taż-żmien meta l-għadu kien Perit minn Bormla li kien l-iktar verżjoni viċina għal Stalin li kien hawn fil-Mediterran.

Ma stajtx, għeżież Mujaheedin ta’ Divorzistan (u assoċjati) ingawdi magħkom il-53.2% ta’  l-IVA. Is-sibt filgħaxija, sakemm kont mitluf f’dagħdiegħa liema bħalha nipprova nifhem għalfejn ħarġet apoloġija mill-Knisja –  bħal donnha plejer tal-futbol li wara li kisirlek sieqek minn tliet postijiet jiġi fuqek u jgħidlek ma ridtx inweġġgħek, dħalt għall-ballun – jien u sħabi ġejna milquta minn attakk bil-missili mingħajr preċedenti. Ħassejtni bħal meta għamilt dik il-ġimgħa f’Gaza, biss li did-darba s-sirena ma ħadmitx għax il-gwardja li suppost ħadet ħsiebha kienet marret tivvota.

B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd. Il-mujaheedin li baqgħu Malta baqgħu jiġġieldu sa l-aħħar mument. Il-viċi tiegħi ma nafx fejn il-qaħbeċ marret – naħseb Londra fejn hemm l-istudios ta’ Divorzistan TV. Jien qiegħed hawn, ħa ngħidilkom li qiegħed Sqallija avolja m’inix, u bħalissa qed nikteb dan kollu f’bajja mimlija ċagħak flimkien ma’ flixkun Nero d’Avola, avolja m’inix.

Xi darba dil-ġimgħa rrid ninżel lura Malta. Smajt li Jawal, l-assistent tiegħi, qed imexxi l-grupp minn hemm u li saħansitra ħa ostaġġ. Wieħed minn dawk tal-LE li riedu jduru bil-Cargades (sic) ixejru l-bandiera tal-LE.

LE. Xi kruha ta’ kelma. Il-bieb li riedu jsabbtu f’wiċċ is-soċjeta li trid tħobb inqala miċ-ċaċċis u spiċċa biex infetaħ beraħ.

Għalkemm ħafna bibien x’jifetħu għad fadal. Nibdew minn dak taċ-ċensura, fejn diġa wgħedt li ser ngħin lil Alex Vella Gera u lil Mark Camilleri biex ma jeħlux waħda mill-iktar sentenzi stupidi u perikolużi tal-istorja Maltija. Hemm il-kwistjoni tad-drittijiet tal-omosesswali u l-fatt li individwi bħal Gordon John Manche u s-setta fanatika tiegħu jistgħu jdawru l-idejat Lowelljani tagħhom mingħajr l-indħil tal-Knisja Kattolika wisq moralista tagħna.

Donnha ħajja oħra, dik il-ħajja meta jien u l-Mujaheedin konna nintefgħu quddiem il-Photoshop u nħarbxu fuq dak it-terroriżmu viżwali li konna suġġetti għalih għal ħames ġimgħat sħaħ. Għoxejna bid-daħk aħna u xi oħrajn tbissmu. Kien hemm min tfantas u min ħa għalih. Kien hemm min qagħad jurihom lil Angelo Micallef. Skont ma qaluli, Pierre Cordina daħakha: b’Hitler u mingħajru xorta se ndoqq Gianpula. Spiċċajna fil-gażżetti u fil-websites anke barranin. Divorzistan sar id-daħka ta’ dik in-nofsiegħa facebook wara ġurnata xogħol qalb l-irwejjaħ t’għaraq u t-telephones iwerżqu; hemm min, iżda mhux jien, emmen li kien moviment li kellu rwol fil-kampanja. Forsi fl-antikampanja, iva.

U issa li spiċċa kollox, hemm dan il-vojt kbir f’qalbi. Jien, il-Mullah bla xogħol?

Għad fadal ħafna għal xiex niġġieldu. Divorzistan forsi jagħmel naqra rebranding, skond kemm se jiċċarġjawni ta’ l-aġenzija; madankollu, nittama li dan ir-referendum, biex ikun tassew ‘storiku’, għandu jwassal sabiex jinħoloq moviment progressiv, liberali, mhux marbut minn interessi politiċi. Huwa għajb li l-elezzjoni fadlilha biss sentejn u dlonk ser jintesa’ dan kollu. Kważi kważi, iktar ma jdum dan iċ-ċlampu politiku iktar tikber il-kotra li, kif rajna nhar is-Sibt, qalet “LE” billi vvutat “IVA”.

Issa, se mmur nkompli fuq rigal żgħir li wgħedt lil mujaheedin dalgħodu. Irid ikun lest sal-Ġimgħa.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


4 × = 20

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>