Ir-rewwixta tal-midinbin

…erba’  kelmiet minn bejn gandott u ieħor

Qiegħed nikteb dan l-artiklu waqt titjira minn Istanbul, bl-aħbar mhux uffiċjali fuq il-mobile li l-maġġoranza tal-votanti fir-referendum qalet “iva”, u qiegħed norbtu ma’ xi notamenti li ħadt waqt li f’Malta kien qiegħed jittieħed il-vot.

Il-protagonista f’din l-istorja kollha kienet il-Knisja. Irrispettivament mir-riżultat, dan ir-referendum ta xhieda kemm il-lingwaġġ medjevali li xi elementi minn tagħha rrikorrew għalih meta kkampanjaw minn fuq il-pulptu u mill-konfessjonarju mingħajr, forsi, ma kienu mqabbda li jagħmlu dan, ma ħadimx. Min kellu mqar il-ħsieb li jivvota ‘iva’, tgħajjar bi kliem iebes ħafna bħal “brigant”, “lupu” u “midneb”. U allura wieħed ma jistax ma jinnutax li fit-28 ta’ Mejju seħħet ir-Rewwixta tal-Midinbin, illi waqtha ħareġ ċar li l-Imperatur li kien ibeżża’ lil kulħadd spiċċa bla libsa. Ripetutament il-Knisja sparat lejn saqajha, u kull darba wriet li kellha mira tajba: ibda mit-theddid bid-dnub mortali u spiċċa fl-apoloġija stramba li nkitbet f’ħin iżda kellha tinqara f’ieħor. Dawn l-elementi medjevali bilfors li ħaduha għal ġo gandott biex ħasbu li setgħu jużaw l-arma tat-tbeżżigħ f’seklu li fih Malta qiegħda taħseb li saret Ewropea, u fi żmien meta ħafna jistgħu jikkuntrastaw l-attitudni tal-Knisja Maltija mal-Knisja fi bnadi oħrajn.

Wieħed ma jridx jinsa, però, li kien hemm elementi fi ħdan l-istess Knisja, li taw sehemhom f’din ir-rewwixta. Dan il-kontribut, anki jekk jidher li kien minimu, seta’ kien deċiżiv għax influwenza lil dawk l-uħud li sabu rwieħhom f’tensjoni bejn il-lealtà lejn ir-reliġjon u l-kuxjenza personali tagħhom. Jien fiduċjuż li wara l-vot tas-Sibt, il-Knisja se jkollha, trid jew ma tridx, tagħti widen lil dawn l-elementi aktar aġġornati ma’ dak li qiegħed jiġri u għaldaqstant il-kwistjoni kollha tal-introduzzjoni tad-divorzju finalment se jiswa ta’ ġid għall-Knisja lokali, li trid tinsa n-numri u l-maġġoranzi u, minflok, tħares aktar lejn l-awtentiċità fit-twemmin tal-fidili tagħha.

Dan iwassal għas-suspett li r-referendum ma kienx biss għażla għad-divorzju. Il-mod kif il-Knisja uffiċjali mexxiet il-‘le’ tagħha ikkontribwixxa biex il-vot jingħatalu sinifikat ikbar: il-firda li qatt ma kellna bejn l-Istat u l-Knisja, firda li ma tistax tkompli sseħħ sakemm jibqa’ stipulat kostituzzjonalment li dan l-Istat għandu twemmin reliġjuż uffiċjali. Irrispettivament minn x’hemm miktub fit-tieni artiklu tal-kostituzzjoni tar-Repubblika, ir-Rewwixta tal-Midinbin tagħti lil wieħed x’jifhem li numru kbir ta’ Maltin iridu li din il-firda sseħħ. Filwaqt li huwa ovvju li numru kbir ħafna ta’ dawk li taw il-vot ‘iva’ għamlu dan mingħajr wisq ħsieb dwar ir-relazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja għax ħarsu – ġustament – lejn il-ħtiġijiet tagħhom u ħadu l-opportunità li ġiethom biex jinsistu fuq din il-ħtieġa, oħrajn fost dawk li taw il-vot l-imqareb, jew jafu li mhux se jiġu fi bżonn ta’ divorzju, jew għallinqas m’għandhom ebda ħsieb li jirrikorru għalih. U allura l-vot ta’ dawn jista’ jew jissejjaħ altruwista, jew inkella mimli b’intenzjonijiet ulterjuri.

Il-firda bejn l-Istat u l-Knisja għandha numru kbir ta’ implikazzjonijiet u konsegwenzi, li ħafna minnhom, niddubita serjament kemm jiġbdu maġġoranzi li kellhom ikunu s-suġġett ta’ referendum ieħor. Filwaqt li min ivvota ‘iva’ mingħajr ma kellu ebda interess personali (immedjat) wettaq att altruwista, niddubita kemm l-altruwiżmu Malti se jkun konsistenti. L-abort huwa dritt ċivili bħalma huwa d-divorzju? L-immigranti irregolari għandhom drittijiet ċivili li jpoġġuhom indaqs għall-Maltin? Il-persuni ta’ orjentazzjoni sesswali gay għandhom dritt ċivili li jiżżewġu (u jiddivorzjaw) lill-maħbubin tagħhom tal-istess sess? U xi drittijiet ċivili għandhom (jew m’għandhomx) dawk il-persuni li bidlu s-sess tagħhom?

Waqt li kont it-Turkija ħarġet l-aħbar li t-traduttur u l-pubblikatur tal-verżjoni Torka ta’ Snuff (Chuck Palahniuk) se jittellgħu l-Qorti mixlija b’disseminazzjoni ta’ letteratura mhix xierqa għall-minorenni. Chuck Palahniuk mhuwiex kittieb għat-tfal iżda kif innota l-intellettwali Tork li ta din l-aħbar, l-Istat (sekulari) Tork jistma lill-75 miljun ruħ bħala tfal, u allura jiddettalhom x’jaqraw. M’għandniex xi ngħidu dad-diskors huwa familjari ħafna, għax anki f’dan il-qasam ftit ilu l-Imperatur u l-alleati tiegħu mexxew assedju u mhemmx dubju li kien hemm min ftakar f’dan huwa u jħażżeż is-salib fuq in-naħa tal-‘iva’. Jidhirli li l-abolizzjoni taċ-ċensura – li żgur li mhux se jissejjaħ referendum għaliha – għandha tkun pass ieħor fil-kisba tad-drittijiet ċivili sħaħ għal poplu li jrid jersaq kulturalment lejn il-Kontinent tiegħu. Anki din il-kwistjoni titlob li jkun hemm firda netta bejn l-Istat u l-Knisja, għaliex ħafna drabi l-argumenti ta’ min qiegħed jimmina l-espressjoni libera huma reminixxenti ta’ tagħlim reliġjuż li mhux bilfors jitħaddan minn kulħadd.

L-ikbar sfida mhijiex li l-firda tal-Istat mill-Knisja tkun uffiċjalizzata anki kostituzzjonalment, iżda li sseħħ fil-mentalità taċ-ċittadin u, aktar u aktar, ta’ min imexxi. L-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta hija biss kwistjoni waħda, imma hemm programm sħiħ ta’ drittijiet ċivili li jrid jitnieda. Fl-ewforija li ġabet magħha r-rebħa tal-“iva” fost dawk li riedu l-bidla, jista’ jkun li jintesa li hemm gandotti oħrajn li għad iridu jimtlew u jitwittew. Ir-rewwixta tissarraf f’rivoluzzjoni fil-ħsieb jekk kemm-il darba dan il-programm jitwassal għad-destinazzjoni aħħarija tiegħu. Il-vot tas-Sibt kien ukoll espressjoni ħielsa – anki jekk kien hemm min ried jaqfilha – imma din l-espressjoni trid tkun ħielsa fl-aspetti u fl-oqsma kollha ta’ soċjetà li trid taġġorna ruħha. L-għażla favur l-introduzzjoni tad-divorzju żgur li se sservi biex anki l-ħassieba jirrevedu t-teoriji tagħhom. Ir-riżultati tal-vot tas-Sibt għandhom mnejn jixħtu dawl fuq fenomeni soċjali li konna bdejna ninsew jew li ma konniex qegħdin nagħtu wisq kas tagħhom.

Jidhirli li din l-istorja kollha kienet skoss kbir biex noħorġu mill-gandotti li konna waqajna fihom, skoss li għandu jgħinna biex inħarsu ’l quddiem u nimmiraw lejn destinazzjonijiet oħra, skoss li jimmotivana nimxu. Biex nimxu rridu ninżlu fit-triq, iżda t-triq trid tkun mingħajr gandotti.

4 thoughts on “Ir-rewwixta tal-midinbin

  1. “Jidhirli li l-abolizzjoni taċ-ċensura – li żgur li mhux se jissejjaħ referendum għaliha – għandha tkun pass ieħor fil-kisba tad-drittijiet ċivili sħaħ għal poplu li jrid jersaq kulturalment lejn il-Kontinent tiegħu.”

    Naqbel Immanuel. Iżda taħseb li qed jiġi rikonoxxut biżżejjed dan il-fatt? Jista jagħti l-każ li ġaladarba jgħaddi d-divorzju fil-parlament (kif wisq probabbli jiġri) din il-ġlieda tintesa- u titħalla tmut fuq sorma taħt il-qilla tas-xemx sajfija Maltija. Kif kien jgħid is-sit ta’ Thermidor… “Under the hot sun even revolutionaries do melt.” *paraphrasing mill-memorja.

  2. Il-bieb infetah harira. Ma jrid xejn jerga’ jinghalaq, ghax ilu maghluq hafna snin. Kif qal Scott-Heron, li ghadu kemm halliena ‘The revolution shall not be televised.’ Hlief issa, la ghandna bzonn televizjoni u wisq anqas gazzetta, ghax ghandna mezzi ohrajn biex nimlu l-gandotti. Jekk hawnx l-inklinazzjoni li nintefaw nergaw nimlu ‘l-gandotti, wara li qtajna qalbna li l-bieb qatt jinfetah… dik kwistjoni ohra. Min jaf…

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


9 − = 6

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>