Process ta’ process

Dan l-artiklu qed niktbu qabel ma nbeda l-proċess tal-għadd tal-voti għar-referendum dwar id-divorzju. Mhux intenzjoni li nidħol fuq affarijiet ta’ sustanza, fuq x’se jkunu l-konsegwenzi politiċi u soċjali ta’ dan ir-referendum, suġġetti interessanti li jimmeritaw artikli separati għalihom. Minnflok illimitajt ruħi għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-forma, fuq x’lezzjonijiet nistgħu niġbdu fuq il-proċess li rajna jiżvolġi quddiemna fl-aħħar ġimgħat.

Reġistru elettorali “miftuh”

L-ewwel punt huwa dwar l-2,800 persuna li sal-ġurnata tar-referendum kellhom 18-il sena imma mhux id-dritt tal-vot. Dan mhux il-każ li l-Kummissjoni Elettorali missha dewmet il-publikazzjoni tar-writ. Id-dritt li jingħata ordni li jissejjah referendum huwa tal-President u mhux tal-Kummissjoni Elettorali; ladarba tah il-kap tal-Istat ir-writ għandu jiġi ppubblikat fl-iqsar ħin prattiku u mhux jistenna l-kumdità tal-Kummissjoni. Is-soluzzjoni nafu x’inhi għax diġà ġiet diskussa fil-Parlament: reġistru elettorali “miftuh” il-ħin kollu. Qbil dwar l-idea donnu kien hemm ukoll, mela ejja nċaqilqu.

Hemm mod ieħor kif ir-reġistru elettorali għandu jkun anqas “miftuh”. Sa llum dan id-dokument kien jiġi ppubblikat u huwa aċċessibbli għal kulħadd. F’pajjiżi oħra informazzjoni dwar votant miżmuma f’reġistru elettorali hija aċċessibbli biss għall-votant inniffsu, l-uffiċjali pubblici li qed jamministraw l-process elettorali u rappreżentant għolja ta’ partiti politici rreġistrati. Dan biex titħares aħjar id-dejta personali ta’ dak li jkun.

Votanti ta’ barra

Ngħaddu issa għall-votanti ta’ barra u t-titjiriet imraħħsa biex jiġu jivvutaw. Jidhru li huma ftit illum dawk illi għadhom jaħsbu li din “vaganza rħisa” bħallikieku Malta f’nofs kampanja elettorali post fejn tmur għal weekend break. Forsi fl-aħħar nibdew naraw is-sitwazzjoni minn għajnejn l-espatrijati li jixtiequ jipparteċipaw fil-ħajja pubblika ta’ pajjiżhom u biex jagħmlu hekk jitbiegħdu mill-impenji professjonali u familjali tagħhom. Dan biex jagħmlu xi ħaġa li l-ġirien u l-kollegi tagħhom jistgħu jagħmlu f’ambaxxata (jekk mhux ukoll b’vot postali).

It-tqassim tad-dokumenti tal-vot

Imma l-esperjenza tgħallimna li l-iżvilupp tal-liġijiet elettorali jsir bil-mod u li bidla bħal din taf tidher wisq ambizzjuża fiċ-ċirkustanzi. Ma jfissirx iżda li titjib ftit ftit ma jistax isir. Ngħidu aħna, fejn jidħol id-dokument tal-vot.

Bħalma tagħmel fl-elezzjonijiet ġenerali, il-Kummissjoni Elettorali kellha tistampa u tqassam id-dokumenti tal-vot. Il-proċess huwa familjari: l-ewwel jitqassmu mill-pulizija u jitħallew ma’ dak li jkun jew min ikun joqgħod fl-istess indirizz jekk tal-ewwel ma jkunx id-dar, imbagħad jinġabru personalment jew f’uffiċju ta’ Kunsill Lokali u, fl-aħħar, tal-Kummissjoni Elettorali. Dis-sena d-dokumenti tal-voti ma tqassmux mill-Pulizija. Minflok tqassmu mill-Maltapost li l-pustiera tagħhom, għal darba, darbtejn, tilfu uħud minn dawn id-dokumenti.

Nispera biss li dan in-nuqqas ma jservix biss biex iqiegħed fid-dubju kwalunkwe sistema ta’ tqassim jekk mhux dik tradizzjonali. Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-membri tal-Korp għandhom impenji eċċezzjonali minħabba l-kriżi Libjana. Sincerament, kieku qal li ma jistax jaħli ‘l niesu fuq xi ħaġa daqshekk banali kien ikun daqstant iġġustifikat aktar u aktar meta responsabbiltajiet oħra tal-Pulizija li jistgħu jagħmluhom iċ-ċivili ilhom li ġew trasferiti.

Ma ninsewx ukoll li mill-uffiċji tal-Kunsill Lokali u tal-Kummissjoni Elettorali d-dokument jista’ jinġabar biss personalment. Il-liġi hi tant patronizzanti li lill-kuntistabbli li qed iqassam tagħtih id-dritt li jiddeċiedi li d-dokument jista’ jħallih m’ommok, missierek, il-mara imma int m’intix fdat li tista’ tagħmel prokura — lill-istess nies – biex jiġbru d-dokument f’ismek.

Ma ninsewx li għall-elezzjonijiet lokali d-dokumenti jitqassmu bil-posta reġistrata u f’dawk amministrattivi ‘qas biss jintuża d-dokument tal-vot. Imma, tal-anqas, il-liġi għandha tippermetti li votant jista’ jagħmel prokura u d-dokument jinġabar minn xi ħadd fdat minnu bħalma jista’ diġà jagħmel, wara kollox, għal kwalunkwe propjetà li għandu.

F’dan ir-referdendum reġa’ kellna l-istorja ta’ votanti li ħasbu li ġejjin Malta biex jivvutaw, ħasbu li se jaslu fil-ħin sal-Ħamis nofs il-lejl biex ikunu jistgħu jiġbru d-dokument tal-vot. L-ajruplan iddewwem (x’aktarx inevitabbli) b’ siegħa, il-Kummissjoni Elettorali għalqet il-bibien f’nofs il-lejl u dawn il-votanti tilfu d-dritt tagħhom minħabba proċess kapriċċuż.

Osservaturi tal-proċess

Il-liġi li tirregola r-referenda tippermetti sorveljanza tal-proċess biss mill-aġenti tal-partiti rappreżentati fil-Parlament. Il-Kummissjoni Elettorali iddeċidiet li tiftaħ ftit idejha imma mhux tant li tippermetti lil rappreżentanti tal-Partit tal-Ħodor Ewropej (li kienu osservaturi fir-referendum dwar l-UE) jieħdu sehem ukoll. Il-Kummissjoni eventwalment ċediet.

Issa, faċli tgħid li l-arranġamenti fil-liġi tar-referenda hija arranġament bejn iż-żewġ partiti in kwistjoni biex jaġevolaw ‘l xulxin u mhux ‘l ħaddieħor. Jekk dan hu l-każ però huwa għal raġuni incidentali. Għax l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jmur fl-estrem l-ieħor. M’hemm l-ebda provvediment li jiddefinixxi serjament “partit” u, allura, persuna waħda li qed tikkontesta mqar distrett wieħed tista’ ssejjaħ lilha nnifisha “partit”.

Kull partit kontestant, mill-Partit Nazzjonalista sa “Forza Malta” (b’kandidat wieħed fl-Ewwel Distrett fl-2008 u li spicca ġab tmien voti), jista’ jinnomina aġenti. U dawn l-aġenti għandhom dritt għal kull bicca informazzjoni (b’xi ftit eċċezzjonijiet bħal rekords medici) li żżomm għandha l-Kummissjoni Elettorali. Li, min-naħa tagħha, għandha dritt t’aċċess kważi illimitat għal informazzjoni miżmuma minn entitajiet tal-Gvern.

Mela jistgħu jaddottaw miżuri dawn l-entitajiet biex iħarsulek id-dejta personali tiegħek. Jekk il-Kummissjoni Elettorali titlobhom l-informazzjoni ma jistgħux jgħidu le. Jekk imbagħad l-aġenti tal-partiti jitolbuha, il-Kummissjoni ma tista’ tgħid le lanqas. U f’kemm ilna ngħidu, informazzjoni dwarek qiegħda b’mod perfettament legali f’idejn kull min jista’ jissejjaħ partit.

Inkluż, possibbilment, “Forza Malta”.

Franklin Mamo

Il-fehemiet espressi f’dan l-artiklu huma personali.

 

 

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *


− 6 = 1

You may use these HTML tags and attributes: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>